Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Enerġija rinnovabbli: il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' 4 Stati Membri għadha mhix konformi mar-regoli tal-UE
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

21/06/2012 14:19:40

Biex jinkiseb l-għan li l-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli jilħaq l-20% tal-konsum tal-enerġija fl-UE sal-2020, jeħtieġ l-impenn, min-naħa tal-Istati Membri, fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Id-Direttiva tal-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE) kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-5 ta' Diċembru 2010. It-traspożizzjoni f'waqtha ta' din id-Direttiva hija prijorità għall-Kummissjoni, speċjalment għaliex id-dewmien bla bżonn fl-implimentazzjoni tagħha jista' jipperikola l-ilħiq tal-għan tal-UE fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, Ċipru, l-Irlanda, Malta u s-Slovenja għandhom ma għarrfux lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha li huma meħtieġa biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    Għaldaqstant, illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat Opinjonijiet Motivati lill-Istati Membri msemmija. Jekk dawn l-Istati Membri ma jikkonformawx mal-obbligu legali tagħhom fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


    Sfond
    L-UE ntrabtet li sal-2020 tilħaq proporzjon ta' enerġija rinnovabbli ta' 20% tal-konsum aħħari ta' enerġija, u proporzjon ta' enerġija rinnovabbli ta' 10% fit-trasport. Il-qafas regolatorju stabbilit mid-Direttiva tal-Enerġija Rinnovabbli huwa element kruċjali għall-ilħiq ta' dawn il-miri.

    Skont id-Direttiva, kull Stat Membru għandu jilħaq miri individwali fil-konsum tal-enerġija li jikkontribwixxu lejn il-proporzjon totali ta' enerġija rinnovabbli ta' 20%. Biex jilħqu dawn il-miri, l-Istati Membri għandhom jistipulaw ċerti regoli, ngħidu aħna biex itejbu l-aċċess għall-grilja għal elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u biex itejbu wkoll il-proċeduri amministrattivi u ta' ppjanar, l-informazzjoni, it-taħriġ tal-installaturi, u l-bqija. Barra minn hekk, fejn jintużaw il-bijofjuwils għall-ilħiq tal-mira fit-trasport, dawn għandhom jilħqu sensiela ta' rekwiżiti ta' sostenibbiltà, li għandha tiġi inkluża wkoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.


    Għal aktar tagħrif
    Id-Direttiva tal-Enerġija Rinnovabbli tista' tinqara bil-Malti hawn .
    Il-paġna tal-internet tal-Kummissjoni dwar l-enerġija rinnovabbli (bl-Ingliż):
    http://ec.europa.eu/energy/renewables/index_en.htm
    Iċ-ċifri attwali rigward ksur b'mod ġenerali huma disponibbli fil-paġna:
    http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_mt.htm
    Għal aktar tagħrif dwar il-proċeduri ta' ksur tal-UE, ara MEMO/12/464.

    L-aħħar aġġornament: 21/06/2012  |Fuq