Mogħdija tan-navigazzjoni

Paġna tan-navigazzjoni

Diskussjoni bejn il-pari dwar ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż 2014 għal Malta

Diskussjoni bejn il-pari dwar ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż 2014 għal Malta

L-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) tal-2014 mill-Kunsill tal-Ministri fit-8 ta' Lulju kkonkluda ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew ta’ din is-sena tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. L-Istati Membri issa huma mistennija li jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet billi jħaddnuhom fil-baġits nazzjonali tagħhom u fil-politiki relevanti oħra.

 

L-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) tal-2014 mill-Kunsill tal-Ministri fit-8 ta' Lulju kkonkluda ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew ta’ din is-sena tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. L-Istati Membri issa huma mistennija li jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet billi jħaddnuhom fil-baġits nazzjonali tagħhom u fil-politiki relevanti oħra. Fil-biċċa l-kbira, ir-rakkomandazzjonijiet din is-sena jibnu fuq dawk indirizzati lil Malta fis-snin preċedenti u jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet li jirrappreżentaw l-isfidi ekonomiċi ewlenin, fosthom il-konsolidazzjoni fiskali, il-pensjonijiet u r-riformi tas-saħħa, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-enerġija u l-kompetittività, inkluż id-dejn u sorsi oħra ta’ finanzjament tal-SMEs u l-effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja.

Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta organizzat diskussjoni bejn il-pari bil-ħsieb li tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet f'aktar dettall u għal aktar diskussjoni u skambju tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar dawn it-temi. L-avveniment ta’ ġurnata sħiħa kien immoderat minn Ivan Ebejer u Alexia Zammit, Uffiċjali tas-Semestru Ewropew fir-Rappreżentanza. Is-sessjoni ta’ filgħodu ttrattat il-konsolidazzjoni fiskali u s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Marie Donnay, Presiyan Petkov u Barbara Bernardi (DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) spjegaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress ta’ Malta u l-isfidi li fadal, filwaqt li Brian Sloan (DĠ Tassazzjoni u Unjoni Doganali) indirizza l-kwistjoni tat-titjib tal-konformità tat-taxxa. Peter Paul Borg (DĠ Saħħa u Konsumaturi) ta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sistema tas-saħħa. Id-diskussjoni ffukat fuq l-importanza li jiġi żgurat tnaqqis fit-tul tad-defiċit tal-baġit u fuq l-impenn ta’ Malta li tiżgura s-sostenibbiltà fiskali. Il-partijiet interessati qablu dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati mill-evażjoni tat-taxxa. It-tieni sessjoni indirizzat l-isfidi relatati mal-kompetittività. It-tliet elementi li jikkostitwixxu rakkomandazzjoni sistema, jiġifieri r-riforma tal-ġustizzja, l-effiċjenza fl-akkwist pubbliku u s-sors alternattiv ta’ aċċess għall-finanzjament ġew spjegati mill-Kummissjoni, filwaqt li Robert Suban lettur fl-Università ta' Malta ppreżenta l-fehmiet tiegħu dwar l-importanza tal-iżvilupp tas-swieq kapitali u finanzjarji u evalwa l-isfidi attwali, b'mod partikolari mil-lat ta’ finanzjament, iffaċċjati minn kumpaniji lokali. Id-diskussjoni ċċentrat fuq modi kif jista’ jittejjeb l-ambjent tan-negozju f'Malta, b’konċentrazzjoni speċifika fuq ir-rwol ta' sorsi alternattivi ta’ finanzjament. Il-parteċipanti kellhom opinjonijiet differenti fuq sa liema punt l-ispiża tal-finanzjament tirrappreżenta ostakolu għat-trawwim tal-intrapriża f'Malta.

Is-sessjoni ta’ wara nofsinhar bdiet b’ħarsa ġenerali tal-konsultazzjoni pubblika li għaddejja dwar l-analiżi ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020 imnedija mill-Kummissjoni f'Mejju. Ir-rakkomandazzjoni dwar l-enerġija kienet ippreżentata mill-Kummissjoni waqt li d-diskussjoni ffukat prinċipalment fuq l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet fl-implimentazzjoni ta’ dan is-CSR. L-aħħar sessjoni kienet iddedikata għar-rakkomandazzjoni għall-impjiegi u l-edukazzjoni, ippreżentata minn Lorenzo Vella (DĠ Impjiegi Affarijiet Soċjali u Inklużjoni) u Marco Montanari (DĠ Edukazzjoni u Kultura). Philip Von Brockdorff, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, għamel diskors dwar il-karatteristiċi tad-domanda u l-provvista tas-suq tax-xogħol Malti u ħares lejn il-produttività kif tirrelata mal-ħiliet. Fost affarijiet oħra, id-diskussjoni bejn il-pari ttrattat l-ispiża relattiva ta’ xogħol f'Malta kif ukoll il-bidla meħtieġa fil-ħiliet meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol.

Tqajmet ukoll Il-kwistjoni tal-edukazzjoni u l-impjieg u r-relazzjoni tagħhom għall-esklużjoni soċjali. B'kollox, ħadu sehem fid-diskussjoni bejn il-pari 55 parteċipant li jirrappreżentaw madwar 30 organizzazzjoni differenti. Ir-Rappreżentanza se torganizza avvenimenti simili li jikkoinċidu mal-istadji ewlenin tal-Semestru Ewropew. Avvenimenti bħal dawn iservu mhux biss bħala opportunità għall-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjonijiet u fehmiet tagħha iżda wkoll biex isir skambju ta’ noti dwar l-isfidi ekonomiċi li tiffaċċja Malta. Huma konformi mat-twemmin tal-Kummissjoni li s-suċċess tas-Semestru Ewropew jittejjeb jekk ir-rappreżentanti l-aktar wiesgħa possibbli tas-soċjetà jkunu involuti u jieħdu pussess tal-proċess.

 

 

                                                                  

 

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Media Soċjali

  • Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini
 

Għina nitjiebu

Iva LE