Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

L-UE biħsiebha tnaqas l-iskart marittimu
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

19/11/2012 14:31:09

L-iskart marittimu huwa theddida serja għall-ambjent tal-kosta u dak marittimu madwar id-dinja kollha. L-ambjenti marittimi huma kkontaminati mill-iskart iġġenerat mill-bniedem u skart ieħor u huwa joħloq problemi ambjentali, ekonomiċi sanitarji u estetiċi.

    L-UE biħsiebha tnaqas l-iskart marittimu

    Il-Kummissjoni Ewropea qed tqajjem għarfien dwar il-problema globali, f'konformità mal-impenji li saru f'Rio dan is-sajf biex titnaqqas l-inċidenza u l-impatti ta' tniġġis ta' dan it-tip fuq l-ekosistemi marittimi.

    Il-Kummissarju tal-Ambjent Janez Potočnik qal: "Fis-Samit tad-Dinja Rio +20, il-mexxejja dinjija impenjaw ruħhom li se jiksbu tnaqqis sinifikanti fl-iskart marittimu sal-2025. Il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha li tkun fuq qudiem nett f'dan l-isforz, u taħdem mill-qribb mal-Istati Membri, il-Konvenzjonijiet Reġjoanli tal-Baħar u l-partijiet interessati biex tidentifika u tiżviluppa inizjattivi kkoordinati biex tittratta l-problema."

    Biex tqajjem kuxjenza u tistimula r-riflessjoni, il-Kummissjoni se tippubblika deskrizzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-istrateġiji rilevanti tal-UE li jolqtu din il-problema, b'indikazzjoni ta' inizjattivi li għaddejjin bħalissa u dawk futuri f'dan il-qasam. Id-deskrizzjoni ġenerali tista' tiksibha minn hawn: http://ec.europa.eu/environment/marine/good-environmental-status/descriptor-10/index_en.htm

    Sa 80% tal-iskart marittimu jikkonsisti fi plastik, u joriġina minn firxa wiesgħa ta' sorsi. Il-plastik għandu ħabta jippersisti fl-ambjent marittimu, possibilment għall-mijiet ta' snin. Id-dokument jikkonkludi li l-politiki tal-ilma, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-iskart, il-politiki ta' protezzjoni tal-baħar u n-natura kif ukoll il-leġiżlazzjoni relatata mal-bastimenti u l-portijiet kollha kemm huma għandhom rwol x'jieħdu biex il-problema tiġi indirizzata, iżda jeħtieġ li jiġu implimentati aħjar.

    Sforzi li saru fil-passat ixxekklu min-nuqqas ta' informazzjoni solida dwar il-kobor u n-natura eżatta tal-problema. Iżda dan għandu jissolva parzjalment hekk kif isir disponibbli għarfien aħjar. Sal-15 ta' Ottubru 2012, bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas tal-Istarteġija Marittima, l-Istati Membri kellhom jippreżentaw valutazzjoni inizjali tal-istat tal-ilmijiet marittimi tagħhom, id-definizzjoni tagħhom ta' 'Status Ambjentali Tajjeb' u l-miri li stipulaw biex jilħaquh. Issa l-Kummissjoni qed tanalizza r-rapporti tal-Istati Membri u biħsiebha tippubblika l-valutazzjoni tagħha fl-2013.

    Malta ppreżentat ir-rapporti tagħha għall-2010 u l-2011 u għad fadlilha tippreżenta dak ta' din is-sena.

    Id-dokument tal-Iskart Marittimu, flimkien ma; proġetti bi prova li għaddejjin bħalissa u l-informazzjoni li tinġabar mill-Istati Membri dwar l-istat tal-ibħra tagħhom li taqa' taħt id-Direttiva ta' Qafas tal-Istrateġija Marittima, se jkunu kontribut importanti hekk kif il-Kummissjoni tikkunsidra mira possibbli ta' tnaqqis li tifrex mal-UE kollha bħala kontribut għall-impenn li sar f'Rio+20.

    Il-Kummissjoni issa se tikkonsulta mal-istati Membri u pajjiżi oħra, Konvenzjonijiet Reġjonali tal-Baħar, u partijiet interessati oħra dwar x'għandhom ikunu l-azzjonijiet li jmiss fir-rigward tal-iskart marittimu. Din il-konsultazzjoni se tilħaq il-quċċata tagħha f'Konferenza Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Iskart Marittimu fl-Ibħra Ewropej, li qed tiġi ko-organizzata mill-Minsiteru federali Ġermaniż tal-Ambjent u l-Kummissjoni Ewropea f'Berlin f'April 2013. Il-minsitru tal-Ambjent tal-Ġermanja Altmaier u l-Kummissarju Potočnikse jkunu fost dawk li se jieħdu sehem f'din l-attività li se tiffoka fuq Pjanijiet tal-Azzjoni Reġjonali għall-Ibħra tal-Ewropa u li għandha l-għan li toħroġ b'sett ta' għodda għall-azzjoni.

    L-aħħar aġġornament: 19/11/2012  |Fuq