|
Il-Kap tar-Rappreżentanza, Martin Bugelli, fetaħ il-proċedimenti billi semma wħud mill-kisbiet li saru tul dawn l-aħħar 20 sena tas-Suq Uniku tal-UE, u nnota li hemm għadd ta' sfidi li għad iridu jiġu indirizzati. Huwa appella għan-negozjanti Għawdxin biex iħaddnu l-isfidi u l-opportunitajiet minkejja l-iżvantaġġi intrinsiċi, partikolarment l-insularità doppja tagħhom.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ ta' Għawdex Michael Grech għamel preżentazzjoni li fiha għamel enfasi fuq oqsma ta' niċċa li n-negozju Għawdxi missu jisfrutta, biex iwassal valur miżjud lis-suq. "Huwa enfasizza li "hemm bżonn li jkollna fidi" f'dan ir-rigward, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-innovazzjoni u l-użu tal-ambjent diġitali.
Imbagħad saret diskussjoni dwar l-aġenda futura tas-Suq Uniku Ewropew wara li Charmaine Hogan, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, għamlet preżentazzjoni dwarha. Hija tat deskrizzjoni ġenerali tal-proposti ewlenin li ressqet il-Kummissjoni Ewropea speċjalment permezz tal-hekk imsejjaħ "Att tas-Suq Uniku".
L-uffiċjali tal-Malta Enterprise Mark Pizzuto u Maria Zammit Micallef kkonkludew il-laqgħa billi tkellmu dwar is-servizzi li toffri l-Malta Enterprise lin-negozji meta dawn ikunu qed jirsistu biex jinternazzjonalizzaw l-operat tagħhom, partikolarment permezz tal-Enterprise Europe Network.
Din l-attività tat opportunità lin-negozju Għawdxi biex jiddiskuti r-realtajiet tas-Suq Uniku fil-kuntest speċifiku tiegħu.
Click here for some pictures of the event.
|