Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Ippreżentat il-Programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME)
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

17/02/2012 13:03:13

Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tar-Rappreżentanza tagħha f'Malta, għadha kemm ippreżentat il-Programm il-ġdid għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs (COSME) għall-2014-2020 lill-partijiet interessati Maltin waqt sessjoni ta' tagħrif li saret f'Dar l-Ewropa.

    Ippreżentat il-Programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME)

    Il-Kap tar-Rappreżentanza Martin Bugelli, fetaħ l-attività b'diskors dwar il-kompitu tal-Kummissjoni Ewropea li tikkomunika l-iniżjattivi tagħha permezz ta' fatti solidi, u kif l-uffiċċju tar-Rappreżentanza jirsisti biex iwettaq dan ir-rwol billi jiffaċilita d-dibattitu dwar il-politiki u l-miżuri l-ġodda f'oqsma differenti.

    Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, In-Negozji ż-Żgħar u l-Konsumaturi Jason Azzopardi, li huwa wkoll ir-Rappreżentant ta' Malta għall-SMEs, ta stampa ġenerali tal-miżuri li ttieħdu fil-livell nazzjonali biex titrawwem l-intraprenditorija, speċjalment fost il-mikrointrapriżi u dawk ta' daqs żgħir. Huwa appella lill-UE għal aktar ċarezza fir-rigward tal-finanzjament, speċjalment biex nirsistu għal internazzjonalizzazzjoni ulterjuri tan-negozji Maltin. Huwa rrefera għal skemi ta' suċċess bħalma hija Micro Invest, li hija meqjusa bħala l-aqwa prassi saħansitra fil-livell Ewropew. Inħolqu madwar 200 impjieg ġodda b'investiment ta' madwar € 10 miljun. Skema oħra li tipprovdi aċċess għal self għan-negozji ż-żgħar hija Micro Credit, permezz tal-programm tal-UE JEREMIE. Diġà bbenefikaw minn din l-iskema 181 kumpanija, billi ngħataw self sussidjat li jammonta għal madwar €15-il miljun għal investiment akkumulat u finali ta' €24 miljun. Ġew allokati għal din l-iskema €52 miljun.

    Ippreżenta ll-Programm il-ġdid tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi ta' Daqs Żgħir u Medju (COSME), Edward Tersmette, mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Intrapriża.

    COSME se jopera mill-2014 sal-2020, u għandu baġit totali ppjanat ta' €2.5b biljun. Huwa mmirat biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi u biex joħloq ambjent favorevoli għall-ħolqien u t-tkabbir tan-negozju. Huwa se jkun qed jirsisti wkoll biex iħeġġeġ kultura intraprenditorjali fl-Ewropa billi jgħin lin-negozji ż-żgħar joperaw lil hinn minn pajjiżhom.


    Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/cip/cosme/

    L-aħħar aġġornament: 17/02/2012  |Fuq