Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

L-UE tistabbilixxi l-pjanijiet għall-pensjonijiet xierqa, sikuri u sostenibbli
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

16/02/2012 15:05:23

Il-pensjonijiet huma s-sors ewlieni tad-dħul ta' madwar kwart tal-popolazzjoni tal-UE llum il-ġurnata, u l-Ewropej li għadhom ma laħqux l-età tal-pensjoni wkoll għad jasal żmien li jkunu jiddependu mill-pensjoni.

    Jekk l-Ewropa ma ssibx mezz li jwassal għal pensjonijiet diċenti kemm għal issa kif ukoll għall-ġejjieni, miljuni ta' nies se jkollhom jiffaċċjaw il-faqar fi xjuħiethom. L-Ewropa qegħda tixjieħ ukoll minħabba li n-nies qed jgħixu ħajja itwal u qed ikollhom inqas tfal. Mis-sena d-dieħla, il-popolazzjoni ħaddiema tal-UE diġà se tibda tonqos. Il-pensjonijiet qegħdin ipoġġu piż finanzjarju dejjem jiżdied fuq il-baġits nazzjonali, speċjalment minħabba t-tensjoni kkawżata mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. Biex issostni lil dawn l-isforzi, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat White Paper dwar pensjonijiet xierqa, sikuri u sostenibbli. Din tistudja l-mezzi li permezz tagħhom l-UE u l-Istati Membri jistgħu jegħlbu l-isfidi ewlenin għas-sistemi tal-pensjonijiet tagħna. Tippreżenta medda ta' inizjattivi li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet xierqa li jippermettu li dawk li jkunu kapaċi jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu - li jwassal għal bilanċ aħjar taż-żmien bejn il-ħidma u l-irtirar; li jiżguraw li dawk li jmorru joqogħdu f'pajjiż ieħor ikunu jistgħu jżommu d-drittijiet tagħhom għall-pensjoni; li jgħinu lin-nies ifaddlu iżjed u jiżguraw li l-wegħdiet dwar il-pensjonijiet jitwettqu u n-nies jieħdu dak li jkunu stennew meta jirtiraw.

    Filwaqt li kien qed jippreżenta l-White Paper lill-istampa fi Brussell, il-Kummissarju László Andor, Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: "Huwa possibbli li niżguraw li jkun hemm pensjonijiet xierqa fil-ġejjieni jekk aħna nżommu l-kelma tagħna dwar ir-riforma. L-impatt tat-tixjiħ wasal fuqna - il-babyboomers qegħdin jirtiraw u hemm għadd inqas ta' żgħażagħ deħlin fis-suq tax-xogħol. Iżda mhuwiex tard wisq biex nilqgħu dawn l-isfidi". Il-Kummissarju żied li ż-żieda fl-età tal-pensjoni hija importanti, u kompla billi qal li stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru wera li għadd kbir ta' Ewropej kienu lesti li jibqgħu fis-suq tax-xogħol anki wara l-età tal-pensjoni jekk ikunu xierqa l-kundizzjonijiet.

    Il-White Paper, li ħabtet fl-istess ħin mas-Sena Ewropea 2012, favur it-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà Bejn il-Ġenerazzjonijiet, tkompli tibni fuq ir-riżultati ta' konsulta wiesgħa mnedija f'Lulju tal-2010. Hija tinfirex fuq diversi oqsma politiċi u tikkonforma bis-sħiħ mal-Istħarriġ tal-Kummissjoni tal-2012 dwar it-tkabbir annwali, l-Annual Growth Survey . Il-miżuri fuq livell Ewropew se jsostnu u jikkumplementaw ir-riformi nazzjonali tal-pensjonijiet. 

    B'mod partikolari, il-White Paper tipproponi li:

    • Toħloq opportunitajiet aħjar għall-ħaddiema li huma akbar fl-età billi titlob li l-imsieħba soċjali jaddattaw il-postijiet tax-xogħol u l-prattiki tas-suq tax-xogħol u billi jintuża l-Fond Soċjali Ewropew biex jiddaħħlu ħaddiema ta' etajiet ikbar fix-xogħol. Is-Sena Ewropea għal Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012 tiffoka b'mod ewlieni fuq li tgħin lin-nies ikomplu jaħdmu għal żmien itwal;
    • Tiżviluppa skemi privati tal-pensjoni kumplementari billi tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali jiżviluppaw dawn l-iskemi u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri li jtejbu kemm jista' jkun l-inċentivi permezz ta’ inċentivi fiskali u mezzi oħrajn;
    • Ittejjeb is-sikurezza ta' skemi supplementari tal-pensjoni, anki permezz ta' reviżjoni tad-direttiva dwar l-Istituzzjonijiet għall-Provvista ta' Irtirar Okkupazzjonali (IORP) u ta' tagħrif imtejjeb għall-konsumaturi;
    • Tagħmel il-pensjonijiet supplementari kompatibbli mal-mobbiltà permezz tal-leġiżlazzjoni li tipproteġi d-drittijiet tal-pensjoni ta' ħaddiema mobbli u billi tippromwovi t-twaqqif ta' servizzi ta' intraċċar tal-pensjonijiet mal-UE kollha. Dan jipprovdi liċ-ċittadini bit-tagħrif dwar l-intitolament għall-pensjoni u stimi tad-dħul tagħhom wara li jirtiraw.
    • Tħeġġeġ lill-Istati Membri li jinkoraġġixxu lin-nies idumu jaħdmu għal aktar għadd ta' snin billi juru r-rabta bejn l-età tal-irtirar u t-tul tal-ħajja, billi jirrestrinġu l-aċċess għall-irtirar bikri u jċekknu d-distakk bejn il-pensjoni tal-irġiel u tan-nisa.
    • Tkompli tissorvelja l-adegwatezza, is-sostenibbiltà u s-sikurezza tal-pensjonijiet u tappoġġja r-riformi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri.

    L-isfond ġenerali
    Il-pensjonanti jirrappreżentaw porzjon sinifikanti, u li dejjem qed jikber b'mod mgħaġġel, tal-popolazzjoni tal-UE (120 miljun jew 24%), b'mod partikolari issa li l-ġenerazzjoni tal-baby-boomers jaslu għall-età tal-pensjoni u qed jonqos l-għadd ta' nies li qegħdin fl-aqwa snin tax-xogħol tagħhom. Fl-2008 għal kull ċittadin tal-UE ta' 65 sena jew aktar kien hemm erbgħa ta' età tax-xogħol (15-64 sena). Sal-2060, dan se jinżel għal żewġ ċittadini għal kull pensjonant. L-impatt tat-tixjiħ demografiku huwa ggravat iżjed u iżjed mill-kriżi ekonomika. Il-pensjonijiet diġà jirrappreżentaw porzjon kbir ħafna tal-infiq pubbliku: medja ta' 10% tal-PDG fil-preżent, li għandha mnejn titla sa 12.5% fl-2060. Iżda għalkemm il-pajjiżi qegħdin jiffaċċjaw sfidi demografiċi simili, huma qegħdin f'sitwazzjoni pjuttost diversa, bl-infiq fil-pensjonijiet preżentament ivarja bejn 6% tal-PDG fl-Irlanda u 15% fl-Italja. Filwaqt li kriżi taffettwa l-iskemi tal-pensjoni li jitħallsu b'kontribuzzjonijiet tul il-ħajja tax-xogħol peress li x-xogħol qed jonqos u b'hekk qed jonqsu l-kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet, l-skemi ffinanzjati qed jintlaqtu minħabba t-tnaqqis fil-valur tal-assi u profitti mnaqqsa.

    Filwaqt li s-sistemi tal-pensjonijiet huma fil-biċċa l-kbira kompetenza tal-Istati Membri, l-UE tista' tgħin bil-leġiżlazzjoni fi kwistjonijiet li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern, bl-appoġġ finanzjarju li jgħin lill-ħaddiema ta' età akbar jibqgħu fis-suq tax-xogħol, bil-koordinazzjoni tal-politiki u bit-tagħlim mingħand xulxin. Ir-riformi tas-sistemi tal-pensjonijiet huma vvalutati fl-istrateġija tal-Ewropa 2020. Fl-2011, 16-il Stat Membru rċevew rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż rigward il-pensjonijiet, u 5 oħra bħala parti mill-Memoranda ta' Ftehim tagħhom, ikkommettew irwieħhom għar-riformi tal-pensjonijiet (għal aktar dettalji ara l-anness 3 mal-White Paper).

    Għal iktar tagħrif:
    The White paper on pensions:
    Eurobarometer on active ageing   
    IP/12/16 + Mémo/12/10 on active Ageing
    European Commission’s website on pensions – social affairs -
    European Commission’s website on pensions – internal market -
    European Commission’s website on pensions – economic and financial affairs -


    Ara wkoll:
    VNR: Bridging Europe's pensions gap
    Video animation on pensions
    Animation - Which country will pay my old-age pension?
     

    L-aħħar aġġornament: 16/02/2012  |Fuq