Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni tal-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali tal-baġits futuri tal-UE
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

15/11/2011 16:12:44

In-nies fl-Ewropa għandhom iħossuhom komdi meta jkunu qed jgħixu, jivjaġġaw, jew jixtru fi Stat Membru barrani. Għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq l-aċċess għall-ġustizzja jkunu fejn ikunu fl-UE. Illum, il-Kummssijoni Ewropea qieghda tressaq proposti għal programmi ta’ finanzjament simplifikati biex jgħinu fil-bini ta’ qasam tal-ġustizzja. Il-programmi se jappoġġjaw l-azzjonijiet tal-UE biex itejbu l-kooperazzjoni Ewropea dwar il-liġi ċivili u kriminali, jippermettu lin-nies jeżerċitaw aħjar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE u jippromwovu l-ugwaljanza. Se jgħinu wkoll għat-tisħiħ tal-isforzi tal-UE għall-ġlieda konta l-kriminalità, biex jiġu trattati t-talba għal u l-forniment tad-droga u jissalvagwardjaw id-drittijiet tan-nies (bħall-persuni akkużati jew il-vittmi tal-kriminalità) waqt il-proċeduri kriminali. Iż-żewġ programmi l-ġodda jirrappreżentaw simplifikazzjoni maġġuri meta mqabblin mal-programmi eżistenti, b’anqas xogħol tal-kitba u b’aktar effiċjenza fit-tmexxija tagħhom. Se jkunu għaddejjin bejn l-2014 u l-2020 b’baġit propost ta’ €803 miljun.

    "Bit-Trattat ta’ Lisbona, il-Kummissjoni issa għandha l-għodda biex taħdem aktar favur il-ġustizzja, id-drittijiet u ċ-ċittadinanza. Il-Kummissjoni qiegħda twassal proposti konkreti biex tipproteġi d-drittijiet ċivili," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja. "Iżda l-leġiżlazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed. Jeħtieġ li ngħarrfu lin-nies dwar id-drittijiet tagħhom, nippreparaw lill-persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali biex japplikaw il-liġi Ewropea, u jaqsmu s-soluzzjonijiet politiċi. Dawn iż-żewġ programmi l-ġodda huma dwar it-titjib fl-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u l-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom. Se jtejbu l-kooperazzjoni ġudizzjarja, jgħinu fit-taħriġ tal-imħallfin, tal-prosekuturi u professjonisti legali oħrajn, jiġġieldu kontra t-traffiku illegali tad-droga u jappoġġjaw lill-vittmi tal-kriminalità kif ukoll jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-persuni b’diżabiltajiet. Huma jgħinu biex il-ġustizzja u d-drittijiet isiru realtà fl-UE kollha."

    Il-Programmi proposti tal-Ġustizzja u d-Drittijiet u taċ-Ċittadinanza se jikkonsolidaw sitt programmi ta’ finanzjament eżistenti fil-qasam tal-ġustizzja u d-drittijiet. Huma se jappoġġjaw l-isforzi tal-Kummissjoni għall-bini ta’ qasam tal-ġustizzja tal-UE effettiv, b'enfażi fuq l-attivitajiet b'żieda fil-valur miżjud fuq il-livell tal-UE.

    Il-Programm tal-Ġustizzja, b’baġit ta’ €416miljun, għandu l-għan li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-ġustizzja ċivili u kriminali hija applikata b’mod effettiv. Dan se jgħin biex jiġi żgurat l-aċċess xieraq għall-ġustizzja għal nies u negozji f’każijiet legali transkonfinali fl-Ewropa u jiġu appoġġjati l-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra d-drogi u l-kriminalità.

    Il-Programm dwar id-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza, b’baġit ta’ €387 miljun, se jgħin biex id-drittijiet u l-libertajiet tan-nies isiru effettivi fil-prattika billi jagħmluhom aktar popolari u jiġu applikati b’aktar konsistenza madwar l-UE. Se jippromwovi wkoll id-drittijiet tat-tfal, il-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni (l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin,id-diżabilità, iż-żmien jew l-orjentazzjoni sesswali) u l-ugwaljanza bejn is-sessi (inklużi l-proġetti għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal).

    Sfond
    Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-programmi l-ġodda se jappoġġjaw attivitajiet bħal:

    • Taħriġ għall-imħallfin u l-avukati madwar l-Ewropa sabiex ikunu jistgħu japplikaw il-liġi u d-drittijiet tal-UE fil-prattika;
    • Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE dwar il-kwistjonijiet tal-ġustizzja u d-drittijiet permezz ta’ netwerks tal-prattikanti legali, l-organizzazzjonijiet mhux governamentali u lil dawk responsabbli mill-politika;
    • Għodda prattiċi għaċ-ċittadini u n-negozji biex japplikaw id-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess għall-ġustizzja, bħall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika;
    • Kampanji Nazzjonali u Ewropej biex jinfurmaw lin-nies dwar id-drittijiet tagħhom garantiti skont il-liġi tal-UE u tgħinhom japplikawhom fil-prattika.

    Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll, qabel l-aħħar ta’ din is-sena, programm ġdid "l-Ewropa għaċ-Ċittadini". Dan il-programm se jappoġġja attivitajiet biex ikompli jgħarraf u jfiehem liċ-ċittadini dwar l-UE, il-valuri u l-istorja tagħha, bħat-tifkira tal-passat tal-Ewropa u s-sħubijiet bejn l-ibliet (il-ġemellaġġ tal-irħula).

    Il-programmi l-ġodda se jikkonsolidaw sitt programmi eżistenti fil-qasam tal-ġustizzja, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza li qed jitwettqu fil-perjodu ta’ finanzjament  bejn l-2007 u l-2013:

    • Il-Programm tal-Ġustizzja Ċivili;
    • Il-Programm tal-Ġustizzja Kriminali;
    • Il-Programm dwar id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza;
    • Il-Programm Daphne III;
    • Il-Programm dwar il-Prevenzjoni u l-Informazzjoni dwar id-Droga;

    It-taqsimiet “il-Ħidma kontra d-diskriminazzjoni u d-Diversità" u “l-Ugwaljanza tas-Sessi" tal-Programm għall-Impjieg u s-Solidarjetà Soċjali (PROGRESS).
    Fiż-żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi li wittu t-triq għall-proposti tal-lum, il-biċċa l-kbira tan-nies li wieġbu qablu li l-programmi ta' finanzjament attwali għandhom jiġi simplifikati u li n-numru tagħhom għandu jitnaqqas.

    Għal aktar informazzjoni
    Il-programmi ta’ finanzjament tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja
    Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja
    Il-paġna ewlenija fuq l-internet ta' Viviane Reding, il-Kummissarju tal-EU għall-Ġustizzja

    L-aħħar aġġornament: 16/11/2011  |Fuq