Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Konsulenti esperti nisa biex jgħinu lill-imprendituri nisa jibdew in-negozju tagħhom
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

15/11/2011 14:05:30

Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet netwerk Ewropew ġdid ta' konsulenti esperti għall-promozzjoni tal-intraprenditorija fost in-nisa permezz tal-kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-għarfien. In-nisa jammontaw biss għal 34.4 % ta' dawk li jaħdmu għal rashom fl-Ewropa. Sabiex dan il-perċentwal jiżdied, imprendituri nisa ta' suċċess se jkunu qegħdin jgħinu lil nisa imprendituri li waqqfu impriża ġdida bejn sentejn u erba’ snin ilu. Dawn il-konsulenti esperti se jkunu qegħdin jagħtu pariri konkreti lill dawn l-imprendituri l-ġodda fuq kif imexxu u jespandu l-impriżi tagħhom matul din il-fażi bikrija u kritika tan-negozji kif ukoll jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet personali utli għall-ħajja professjonali u jiggwidawhom. Dan in-netwerk se jkopri 17-il pajjiż Ewropew; Se jieħdu sehem 170 konsulent espert.  L-intraprenditorja tikkumplementa sew l-għażliet tal-ħajja tan-nisa, b'mod partikolari, għaliex tagħtihom il-flessibilità li jlaqqgħu l-ħajja privata ma' dik professjonali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħin u l-post tax-xogħol.

    Barra minn hekk, minħabba l-kriżi ekonomika, ħafna nisa li sfaw bla xogħol jistgħu jużaw il-ħiliet u l-għarfien tagħom, iwaqqfu -kumpanija tagħhom u joħolqu x-xogħol tagħhom huma stess.

    Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli għall-Industrija u l-Intraprenditorija, stqarr: "Huwa ċar li l-kreattività u l-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa huwa s-sors l-inqas sfruttat tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi l-ġodda li għandu jkompli jiġu żviluppat fl-Ewropa. F'dan iż-żmien ta' kriżi ma nistgħux naffordjaw li ninjoraw potenzjal bħal dan Il-fatt li jkollna aktar nisa imprendituri se jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-mara mil-lat ekonomiku u se jsarraf fi tkabbir." 

    Aktar tagħrif

    Sfond
    L-għażla tal-konsulenti esperti
    Il-konsulenti esperti se jiġu magħżula minn fost imprendituri nisa (jew irġiel) li għandhom esperjenza personali ta' suċċess bħala sidien jew maniġers ta' SME, għal minn tal-inqas ħames snin u li jafu x'inhuma l-isfidi speċifiċi li n-nisa imprendituri jħabbtu wiċċhom magħhom, li huma lesti u għandom ir-rieda li jaqsmu l-għarfien tagħhom u dak li jafu ma' dawn l-imprendituri l-ġodda fuq bażi volontarja (jiġifieri, mingħajr ħlas), li għandhom iċ-ċans jiltaqgħu magħhom b'mod regolari matul minimu ta' sena u li huma lesti li jiggwidaw mill-inqas żewġ imprendituri ġodda.

    Il-konsulenti esperti għandhom jiltaqgħu mal-imprendituri l-ġodda li jkunu qed jiggwidaw  regolarment u jiddiskutu magħhom kemm il-kwistjonijiet kurrenti kif ukoll dawk strateġiċi tat-tmexxija tal-kumpaniji tal-imprendituri l-ġodda, sabiex jgħinuhom jibnu / jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kunfidenza/attitudnijiet meħtieġa. Sabiex jiġu evitati kwalunkwe kunflitti tal-interess, il-konsulenti esperti ma jistgħux jieħdu interess ekonomiku fil-kumpaniji tal-imprendituri li huma jkunu qegħdin jiggwidaw

    Il-potenzjal tal-imprendituri nisa fil-ħolqien ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi ġodda:

    • Fl-Istati Uniti tal-Amerka l-Organizzazzjonijiet tal-Presidenti Nisa ħarġu l-aħħar ċifri tal-50 kumpanija l-aktar li qed jikbru u li għandhom mara bħala sid jew maniġer fl-Amerka ta' Fuq. Fl-2010, l-aqwa 50 iġġeneraw bejniethom dħul ta' 4.1 biljun dollaru (medja ta' 82.7 miljun dollaru) u flimkien impjegaw 24 650 ruħ fl-istess sena (il-medja prevista għall-2011 hija ta' 557 impjegat għal kull kumpanija).
    • Fir-rapport WES (In-netwerk Ewropew għall-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa) tiegħu tal-2008, il-gvern tar-Renju Unit isemmi li n-nisa huma l-akbar grupp li hu l-inqas rappreżentat f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni fl-impriżi. 
    • Ħmistax fil-mija biss tal-4.7 miljun impriża ġewwa r-Renju Unit għandhom mara fit-tmexxija u li kieku n-nisa kellhom jibdew negozju bl-istess rata tal-irġiel, kieku fir-Renju Unit jiġu mwaqqfa 150 000 impriża ġdida addizzjonali kull sena. Li kieku l-ammont ta' imprendituri nisa tar-Renju Unit kellu jkun bħal dak tal-Istati Uniti kieku jkun hemm 900 000 aktar negozji fir-Renju Unit.

    Fl-2008, fl-Isvezja kien hemm aktar minn 131 000 kumpanija li kienu mmexxija mara, li flimkien dawwru aktar minn EUR 35 biljun fi qligħ totali, kienu jimpjegaw madwar 358 000 persuna u ħallsu lill-impjegati tagħhom aktar minn EUR 6 biljun f'pagi.

    L-intraprenditorija femminili hija differenti minn dik maskili u għaldaqstant hemm bżonn ta' miżuri ta' appoġġ speċifiċi għan-nisa:

    • L-ewwel nett, in-nisa jagħtu aktar importanza liċ-ċirkostanzi tal-familja meta jibdew jaħsbu biex iwaqqfu negozju (61 % meta mqabbla ma’ 49 % fil-każ tal-irġiel) Iqisu aktar il-probabilitajiet ta' suċċess u jeżaminaw bir-reqqa kull sors potenzjali ta' falliment qabel ma jinqdew bid-dar tal-familja bħala kollaterali u/jew il-flus li warrbu bħala familja bħala kapital biex iwaqqfu n-negozju tagħhom.
    • It-tieni nett, f'ħafna mill-każijiet, meta mara tiddeċiedi li tiftaħ kumpanija ġdida, hija żżomm ix-xogħol li kellha qabel u għal xi żmien twettaq iż-żewġ attivitajiet fl-istess ħin. f'dan ir-rigward, wieħed jista' jgħid li n-nisa joqogħdu aktar attenti mill-irġiel u huma aktar konxji tar-riskju ta' falliment.
    • It-tielet nett, in-nisa jieħdu negozju eżistenti taħt idejhom wara perjodu itwal ta' ttestjar mill-irġiel, ladarba jkunu familjari mal-attivitajiet tal-kumpaniji (minħabba l-wirt is-separazzjoni jew id-divorzju minn xi msieħeb fin-negozju, eċċ.).
    • Ir-raba' partikularità hija l-finanzjament: mara tuża inqas kapital minn raġel fit-tnedija ta' negozju u dan ikollu inqas ekwità.
    • Fl-aħħar nett, l-imprendituri nisa għandhom rata ta' tkabbir aktar baxxa iżda aktar stabbli meta mqabbla ma' dik tal-irġiel. Dan sikwit ifisser inqas riskju ta' falliment.

    In-Netwerk Ewropew tal-Konsulenti Espeti għall-Imprendituri Nisa hija waħda mill-azzjonijiet proposti fir-Reviżjoni tal-2011 tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar. Dan se jkopri 17-il pajjiż (l-Albanija, il-Belġju, Ċipru, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Montenegro, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, it-Turkija u r-Renju Unit).

    L-aħħar aġġornament: 18/11/2011  |Fuq