Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ id-drittijiet konsolari biex tgħin miljuni ta’ Ewropej li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

14/12/2011 14:04:30

Illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li ttejjeb l-għajnuna li tingħata liċ-ċittadini tal-UE li jinqabdu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi – bħal dawk li seħħew fil-Ġappun, fil-Libja jew fl-Eġittu din is-sena – u f’emerġenzi ta’ kuljum meta jkunu qed jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom. L-għan huwa li l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet konsolari tiġi ffaċilitata u li jissaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini Ewropej għall-protezzjoni konsolari. Iċ-ċittadini tal-UE li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom għandhom id-dritt li jitolbu l-għajnuna mingħand konsolat jew ambaxxata ta’ Stat Membru ieħor tal-UE meta l-Istat Membru tagħhom ma jkunx rappreżentat fil-pajjiż. L-Istati Membri tal-UE jridu wkoll jgħinu liċ-ċittadini jevakwaw daqs li kieku kienu ċ-ċittadini tagħhom stess. Il-proposti ta’ llum se jsaħħu dawn id-drittijiet billi jiċċaraw is-sitwazzjoni meta ċittadin jitqies li ma jkunx rappreżentat u jispeċifikaw it-tip ta’ għajnuna li l-Istat Membri normalment jipprovdu f’każijiet ta’ bżonn, bħal arrest, inċident serju jew telf ta' dokumenti.

    Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2011

    Il-Kummissjoni żviluppat ukoll websajt interattiva dwar il-protezzjoni konsolari, li tagħti lista tad-dettalji ta’ fejn jistgħu jiġu kkuntattjati l-ambaxxati u l-konsolati kollha tal-Istati Membri tal-UE barra mill-UE – it-tiftix f’din il-lista jista’ jsir skont iċ-ċittadinanza tal-UE jew skont il-pajjiż.

    Il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding qalet, “Kull wieħed mis-27 Stat Membru jeħtieġ li jiżgura li tingħata l-aħjar għajnuna liċ-ċittadini tal-UE meta jkunu fil-bżonn waqt li jkunu jinsabu barra mill-UE – tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.” “Id-dritt għal protezzjoni konsolari ugwali jista’ jkun eżempju tajjeb ħafna tas-solidarjetà tal-UE fid-dinja kollha. Fi żminijiet ta’ kriżi bħal dawk ta’ din is-sena fil-Ġappun, fil-Libja jew fl-Eġittu – jew f’emerġenzi individwali bħal ma huma t-telf ta’ passaport jew ta’ oġġett personali, permezz ta’ regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni se jkun iktar ċar għaċ-ċittadini biex ikunu jafu x’għandhom jistennew u l-ħidma tal-uffiċjali konsolari se tiġi ffaċilitata."

    Il-kriżijiet il-kbar li seħħew reċentement enfasizzaw l-importanza tal-protezzjoni konsolari barra mill-UE. Madwar 150,000 ċittadin tal-UE ġew milquta mill-kriżijiet fil-Libja u fl-Eġittu wara r-rewwixti demokratiċi fir-rebbiegħa 2011 u wara t-terremot fil-Ġappun u t-tsunami f’Marzu 2011. Bosta ngħataw l-għajnuna minn konsolati u ambaxxati ta' pajjiżi oħra tal-UE meta pajjiżhom ma kienx rappreżentat (jew ma kienx għadu rappreżentat). Id-dritt għall-protezzjoni konsolari japplika wkoll f'sitwazzjonijiet ta' kuljum, bħal meta waqt vaganza wieħed jimrad serjament jew jisfa’ vittma ta' reat.

    Il-leġiżlazzjoni li qed tipproponi l-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi qafas stabbli għall-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Permezz tagħha qed jiġi ċċarat li ċ-ċittadini tal-UE jitqiesu mhux rappreżentati meta l-ambaxxata jew il-konsolat tal-Istat Membru tagħhom ma tkunx jew ma jkunx 'aċċessibbli', jiġifieri ċ-ċittadini ma jkunux jistgħu, mill-anqas fl-istess ġurnata, jaslu sal-ambaxxata jew il-konsulat, u jerġgħu jirritornaw minn fejn ikunu telqu. Il-proposta tispeċifika wkoll sa liema punt huma intitolati għall-għajnuna l-membri tal-familja li ma jiġux minn pajjiż tal-UE. Tagħmel dispożizzjoni dwar kif l-għajnuna għandha tiġi kkoordinata mal-Istati Membri ta’ oriġini taċ-ċittadini. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, ir-regoli l-ġodda jippromwovu r-rowl ta’ Stat Membru ‘mexxej’ li jkun responsabbli mill-koordinazzjoni u t-tmexxija tal-għajnuna li tingħata liċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati.

    Sfond
    Fl-2009, il-konsolati tal-Istati Membri taw protezzjoni konsolari fi 300,000 każ. Kull sena, 5.12 miljun ċittadin tal-UE jivvjaġġaw f'pajjiżi barra l-UE fejn l-Istat Membru tagħhom ma jkunx rappreżentat u 1.74 miljuni ta’ ċittadini oħrajn jgħixu f’dawn il-pajjiżi. Iċ-ċittadini tal-UE qegħdin dejjem iktar ikunu esposti għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi, kemm dawk naturali kif ukoll dawk maħluqa mill-bniedem.

    It-Trattati tal-UE jiggarantixxu liċ-ċittadini tal-UE kollha d-dritt għal trattament ugwali f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari ta' kwalunkwe Stat Membru meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw jew jgħixu barra mill-UE, u pajjiżhom ma jkunx rappreżentat (ara l-Artikoli 20(2)(c) u 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ; l-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE). Kważi f'kull pajjiż fid-dinja, mill-inqas pajjiż wieħed tal-UE mhuwiex rappreżentat. L-uniċi tliet pajjiżi li fihom huma rappreżentati s-27 Stati Membri kollha tal-UE huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja.

    Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza ta' Ottubru 2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525), il-Kummissjoni impenjat ruħha biex iżżid l-effikaċja tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jingħataw għajnuna f'pajjiżi terzi, inkluż fi żminijiet ta' kriżi, mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri kollha, billi tipproponi miżuri leġiżlattivi u billi tinforma aħjar liċ-ċittadini permezz ta' websajt maħsuba apposta u miżuri ta' komunikazzjoni ffukati (l-azzjoni 8).

    Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Marzu 2011, (ara IP/11/355 u MEMO/11/185) il-Kummissjoni ħabbret ukoll li fit-12-il xahar li ġejjin se tippreżenta leġiżlazzjoni biex tistabbilixxi l-miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni meħtieġa sabiex il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati tiġi ffaċilitata.

    Iktar tagħrif
    Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni konsolari
    Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza
    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-UE

    L-aħħar aġġornament: 14/12/2011  |Fuq