Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-Kultura u l-Kriżi - Kif il-kultura u l-arti jistgħu juruna kif noħorġu mill-kriżi
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

13/03/2012 11:18:55

Minn Uffe Elbæk, il-Ministru Daniż għall-Kultura, u Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.


Ħadd ma jista' jiċħad kemm hi serja l-kriżi attwali, iżda huwa veru wkoll li l-Ewropa għandha ħafna għaliex tkun ottimista. Bħala Ewropej, għandna nibdew inħarsu lejn is-settur kulturali tagħna bħala sors ta' tama, ideat u tkabbir ekonomiku li jista' jwasslna biex noħorġu mill-kriżi.

    Il-Kultura u l-Kriżi - Kif il-kultura u l-arti jistgħu juruna kif noħorġu mill-kriżi

    L-Ewropa tal-ġejjieni se tkun ta' suċċess u se tkun attraenti biex tgħix fiha skont kemm nagħtu importanza lill-ideat li għandna bħalissa biex inrawmuha. Kollha kemm aħna għandna bżonn li nitjiebu f'dak il-qasam li l-artisti huma diġà tajbin fih – li nagħmlu aktar b'inqas, insibu perspettivi ġodda u friski u kombinazzjonijiet ġodda eċċitanti. L-arti mhijiex biss il-qoxra sabiħa ta' barra. Hija wkoll mod ta’ ħsieb u prassi ta' ħidma innovattiva mħallta mar-realtà li tista’ tispirana lkoll biex naħdmu aħjar.

    Barra minn hekk, filwaqt li l-kriżi hija waħda ekonomika u politika – ċertament mhijiex waħda kulturali. Il-bliet Ewropej huma bħalissa fost l-aktar kreattivi u vibranti fid-dinja. Bliet bħal Londra, Milan, Pariġi, Amsterdam, Berlin u Kopenħagen mhumiex biss metropoli prinċipali, iżda wkoll ċentri kreattivi ewlenin b'mijiet ta' eluf ta' impjegati fl-industriji kreattivi, bħal dawk taċ-ċinema, il-mużika u l-arti, kif ukoll dawk tal-logħob tal-kompjuter, tad-disinn u tal-moda. Permezz tal-inklużjoni tal-kultura fuq livell ħafna usa’ fl-ippjanar tal-ibliet, fil-politika soċjali u fl-iżvilupp tan-negozju nistgħu noħolqu bliet li jkunu ħafna aktar sostenibbli ekonomikament, ħafna aktar attraenti u li jkunu aktar pjaċevoli tgħix fihom.

    Fil-belt ta' Kopenħagen, stħarriġ riċenti mill-grupp ta' esperti Daniżi FORA juri li l-industrija kreattiva hija l-aktar waħda importanti fil-belt, b'madwar 70,000 impjegat jew direttament f'postijiet tax-xogħol kreattivi inkella f’negozji tal-moda li jibbenefikaw mill-innovazzjonijiet tal-industrija kreattiva. Fl-2008, fid-Danimarka 21% tan-negozji l-ġodda li kienu għadhom jinfetħu iffukaw fuq il-ħolqien tal-valur kreattiv. Fl-Unjoni Ewropea l-industrija kreattiva tiġġenera mill-inqas 3.3 % tal-ekonomija – anki sa 4.5 %, skont il-metodi ta' kejl li jintużaw. L-impjiegi fl-industrija kreattiva jiżdiedu b'rata aktar mgħaġġla milli f'industriji oħra: 3.5 % fis-sena meta mqabbel ma’ tkabbir ta' 1% fl-impjiegi kollha inġenerali.

    Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal programm ġdid ta' appoġġ – “Ewropa Kreattiva” – preċiżament jimmira lejn l-appoġġ lill-artisti u l-professjonisti fis-setturi kreattivi fl-Ewropa kollha. Inħeġġu 'l politiċi kollha biex jaħdmu fuq inizjattivi li jistgħu jdaħħlu l-arti fil-politika tagħhom u jagħmluha, flimkien mal-kreattività u l-attivitajiet kulturali, parti integrali mis-soċjetà inġenerali. Hawnhekk verament jeżistu żewġ kompiti: fuq naħa waħda, irridu nħeġġu s-soċjetà biex titgħallem mill-artisti u mill-innovaturi kreattivi, u fuq in-naħa l-oħra għandna nagħmluha eħfef għall-artisti biex jitgħallmu minn prattiki intraprenditorjali f'dak li għandu x'jaqsam mat-tqassim tax-xogħol u l-ideat.

    Irridu noħolqu relazzjonijiet reali u fit-tul bejn il-komunità artistika, l-industriji kreattivi u setturi oħra bħall-edukazzjoni, in-negozju, il-produzzjoni u r-riċerka, kif ukoll il-politika barranija tagħna. Hemm ħafna x'jinkiseb billi sempliċiment nistimolaw relazzjonijiet ġodda, u din l-istrateġija tista' toħloq tkabbir enormi mingħajr il-ħtieġa għal investimenti finanzjarji kbar.

    Min-naħa tagħhom, l-artisti u l-innovaturi kreattivi jeħtieġ li jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom u jasserixxu mil-ġdid l-awtorità li għandhom. Jeħtieġ li jerġgħu jidħlu fix-xena bħala operaturi ċentrali fl-istorja nnfisha tas-soċjetà. Jeħtieġ li aħna l-politiċi nkunu aktar lesti li nisimgħu lill-artisti u nitkellmu l-lingwa tagħhom, iżda dawn għandhom ukoll jitjiebu fil-kapaċità tagħhom li jilħqu l-bqija tas-socjetà. 

    M'aħniex nippruvaw inġiegħlu lill-artisti jissagrifikaw l-integrità artistika fuq l-altar tat-tkabbir. Għall-kuntrarju, irridu li dawn ikomplu jagħmlu eżattament dak li diġà qed jagħmlu – bħala artisti, huma kkwalifikati b'mod uniku biex jistudjaw il-kaos tad-dinja u joħolqu sens ta’ perspettiva u ta' tama.

    Filwaqt li għandna lkoll naċċettaw il-kriżi kif inhi, irridu naraw ukoll din x'tista' tinvolvi: opportunità kbira biex nerġgħu nallinjaw il-komunità Ewropea tagħna u nġeddu lilna nfusna għal darb'oħra aħjar. Diġà rajna kif artisti żgħażagħ kellhom rwol ewlieni fir-Rebbiegħa Għarbija tal-2011. Il-ġenerazzjoni li jmiss ta' artisti Ewropej għandha responsabbiltà kif ukoll opportunità – għandhom jaċċettaw dan kollu u jkunu kuraġġużi! Biex niġbru fil-qosor dak li qalet Hillary Clinton: "Qatt tħallu kriżi tinħela".

    Nota: Fis-27-28 ta' Frar, il-Ministru Daniż tal-Kultura, bħala inizjattiva tal-Presidenza Daniża tal--UE, nieda taskforce imsejħa t-Tim Kulturali 2012. Tnax-il ħassieb u innovatur kreattiv se jabbozzaw manifest dwar ir-rwol tal-arti u l-kultura fi żmien ta' kriżi u mbagħad imorru fuq vjaġġ fl-Ewropa biex isibu eżempji kulturali dinamiċi li se jiġu ppreżentati f'konferenza kbira li se tlaqqa' flimkien il-politiċi responsabbli Ewropej fi Brussell f'Ġunju.

    L-aħħar aġġornament: 13/03/2012  |Fuq