Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Tassazzjoni: L-iżvilupp ta' "One Stop Shop" għall-konformità tal-VAT transkonfinali
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

13/01/2012 12:33:22

Li jsir negozju f'aktar minn Stat Membru wieħed ta' spiss ifisser li dak li jkun ikollu jħabbat wiċċu ma' bosta amministrazzjonijiet tat-taxxa f'lingwi differenti. L-indirizzar ta' bosta obbligi marbuta mal-VAT jista' jkun ta' piż kbir u spiża għolja għall-kumpaniji. Il-proposta adottata llum hija l-ewwel pass lejn "One Stop Shop" għas-servizzi kollha pprovduti b'mod elettroniku li se jibbenefikaw minnhom in-negozji mill-1 ta' Jannar 2015. Kif stabbilit f'Diċembru li għadda fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT (ara IP/11/1508), approċċ ta' "One Stop Shop" għall-kummerċ tal-UE bejn il-fruntieri se jiġi applikat l-ewwel għall-kummerċ elettroniku, ix-xandir u servizzi tat-telekomunikazzjoni.

    Brussell, 13 ta' Jannar 2012

    Fil-futur, il-Kummissjoni se tipprova testendi l-"One Stop Shop" pass pass għal prodotti u servizzi oħra.

    Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Il-kumplessità tas-sistema tal-VAT attwali tal-UE hija ostakolu għan-negozju fis-Suq Uniku. Il-One Stop Shop se jiffaċilita ħafna l-espansjoni transkonfinali ta' impriżi ġodda Ewropej. Dan imbagħad se jgħin biex jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-impjiegi".

    Il-Komunikazzjoni adottata dan l-aħħar dwar il-futur tal-VAT saħqet li "One Stop Shop" (OSS) żviluppat bis-sħiħ – miżura proposta fil-pjan tal-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi − hija prijorità għolja.

    Il-proposta llum tikkonċerna aspetti bħall-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema, l-obbligi ta' rappurtar, id-denunzji tal-VAT, il-munita, il-ħlasijiet, ir-rekords u kwistjonijiet oħrajn li għalihom huma meħtieġa regoli komuni. L-implimentazzjoni fl-1 ta' Jannar 2015, ta' "One Stop Shop" żgħir għall-fornituri tal-UE ta’ telekomunikazzjonijiet, xandir u servizzi elettroniċi lill-konsumaturi se tkun pass kbir 'il quddiem fis-semplifikazzjoni tar-regoli tal-konformità tal-VAT fl-UE. Il-"One Stop Shop" se jippermetti lin-negozji li jiddikjaraw u jħallsu l-VAT fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti minflok fejn jappartjeni l-klijent tagħhom. Is-Sistema tal-"One Stop Shop", li hija attwalment limitata għal fornituri ta' servizzi elettroniċi li mhumiex tal-UE, qed tiġi estiża għal negozji tal-UE u għas-servizzi tax-xandir u tat-telekomunikazzjoni. Fil-futur, l-intenzjoni hija li l-"One Stop Shop" jiġi estiż għal dejjem aktar attivitajiet, inklużi l-forniment tal-prodotti. Il-proposta adottata llum mill-Kummissjoni hija l-ewwel pass fi programm ta' ħidma estensiv li se jwassal għall-implimentazzjoni fil-ħin u b'suċċess tal-iskema l-ġdida. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri kollha biex jiftiehmu dwar dawn il-miżuri fl-2012. Approċċ komuni huwa essenzjali għat-tfassil tas-sistemi tal-IT li se jipprovdu l-iskambju meħtieġ tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa f'27 Stat Membru u sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu sal-2015.

    Kuntest
    Minn Lulju 2003, tpoġġiet fis-seħħ sistema ta' "One Stop Shop" biex tissemplifika l-obbligi tal-VAT għal fornituri, mhux mill-UE, ta' servizzi elettroniċi lill-konsumaturi tal-UE (ara IP/04/1331). Is-sistema ħadmet tajjeb, u ppermettiet lill-kummerċjanti, li mhumiex tal-UE u li huma obbligati li jħallsu VAT fl-UE, li jagħżlu post uniku għall-konformità tal-VAT. Permezz tal-portal elettroniku uniku, jiġu sottomessi dikjarazzjoni u ħlas tal-VAT uniċi. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, dan il-ħlas huwa allokat awtomatikament lill-Istati Membri differenti fejn hi dovuta l-VAT.

    Fl-1 ta' Jannar 2015, se jinbidlu r-regoli tal-VAT dwar il-post tal-forniment tas-servizzi għall-kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, xandir jew dawk elettroniċi lill-klijenti tal-UE. Il-VAT tkun dovuta fejn jappartjeni il-klijent. Għaldaqstant jeħtieġ li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni attwali tas-sistema eżistenti tal-"One Stop Shop". Bħalissa, diġà qed titħaddem skema għal negozji li mhumiex tal-UE li jipprovdu servizzi elettroniċi. L-iskema issa se testendi kemm għan-negozji tal-UE kif ukoll dawk li mhumiex tal-UE u - flimkien mas-servizzi elettroniċi - tinkorpora servizzi tat-telekomunikazzjonijiet u x-xandir. Se tippermetti lill-fornituri li jużaw portal tal-internet fl-Istat Membru li fih huma identifikati biex jagħtu rendikont tal-VAT dovuta fi Stati Membri oħra fuq il-forniment ta’ dawn is-servizzi lil konsumaturi privati.

    Biex tiġi żgurata ċertezza legali, jeħtieġu regoli ċari u vinkolanti dwar l-applikazzjoni ta' din l-iskema l-ġdida. Id-dispożizzjonijiet attwali tar-regoli ta' implimentazzjoni għad-Direttiva tal-VAT (ir-Regolament tal-Kunsill UE/282/2011) għalhekk jeħtieġu li jiġu emendati għal dan il-għan.

    Għat-test sħiħ tar-Regolament
    Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi

    L-aħħar aġġornament: 18/01/2012  |Fuq