Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Fl-2018 il-Belt Valletta se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura f'Malta
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

12/10/2012 15:06:42

Il-belt kapitali Maltija, Valletta, illum ġiet irrakkomandata għat-titlu ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018 minn bord tal-għażla indipendenti. Il-Belt Valletta se tiġi nnominata formalment mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE f'Mejju tal-2013.
Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet: "Nifraħ lill-Belt Valletta li rnexxielha tikseb dan. Jiena kuntenta bl-entużjażmu li hemm Malta għat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Ninsab fiduċjuża li l-Belt Valletta se tfassal programm eċitanti tal-avvenimenti b'dimensjoni tassew Ewropea u li t-titlu jista' joħloq bosta benefiċċji kulturali, ekonomiċi u soċjali fit-tul kemm għall-belt kif ukoll għall-madwar. Lill-Belt Valletta nixtiqilha kull suċċess."
 

    Fl-2018 il-Belt Valletta se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura f'Malta

    Kuntest

    Il-bliet li joffru isimhom għall-ġħażla tat-titlu, jiġu vvalutati skont il-kriterji stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Ministri. Dawn il-kriterji jiddikjaraw li l-bliet għandhom iħejju programm kulturali b'dimensjoni tassew Ewropea u jrawmu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li jgħixu l-Belt, fil-viċinat u fil-pajjiż kollu.

    Id-dimensjoni Ewropea tidher fit-temi magħżula u fil-mod kif jiġu organizzati l-avvenimenti fil-programm. Il-koperazzjoni bejn l-operaturi kulturali f'pajjiżi differenti tal-UE hija mħeġġa. Il-programm għandu jħalli impatt dejjiemi u jgħin fl-iżvilupp soċjali u kulturali fit-tul tal-belt.

    Il-Pajjiżi l-Baxxi u Malta huma ż-żewġ Stati Membri li se jospitaw il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Il-lista tal-pajjiżi li se jospitaw it-titlu sal-2019 ġiet stabbilita f'deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Ministri fl-2006. Dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet xi pajjiżi biex jospitaw il-Kapitali Ewropej tal-Kultura wara l-2019 (IP/12/815).

    Il-Belt Valletta kienet l-unika belt li applikat għat-titlu f'Malta. L-applikazzjoni ġiet eżaminata minn bord ta' 13-il espert kulturali indipendenti, sitta minnhom inħatru mill-Istat Membru konċernat u s-sebgħa l-oħra mill-istituzzjonijiet Ewropej (ara l-lista tal-membri Ewropej ta' hawn taħt). Il-bord ivvaluta l-applikazzjoni skont il-kriterji stabbiliti mill-Parlament Ewropew u bid-deċiżjoni tal-Kunsill.

    Il-fażi ta' qabel l-għażla fil-Pajjiżi l-Baxxi se ssir f'Novembru u l-aħħar fażi tal-għażla hija maħsuba għas-sajf 2013. Wara, iż-żewġt ibliet magħżula (waħda minn kull pajjiż) jiġu nnominati uffiċjalment mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE.

    Il-membri tal-bord maħtura mill-istituzzjonijiet Ewropej huma:

    • Maħtura mill-Kummissjoni Ewropea: Sir Jeremy Isaacs (ir-Renju Unit) direttur eżekuttiv tat-televiżjoni u kien id-Direttur tat-Teatru Rjali tal-Opra f'Covent Garden; Manfred Gaulhofer (l-Awstrija), id-Direttur Ġenerali ta' Graz 2003, li mexxa bosta proġetti Ewropej.
    • Maħtura mill-Kunsill: Erna Hennicot-Schoepges (il-Lussemburgu), kienet Membru tal-Parlament Ewropew, tal-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), u bħalissa president ta' bosta organizzazzjonijiet kulturali nazzjonali u internazzjonali; Constantin Chiriac (ir-Rumanija), il-Viċi President ta' Sibiu 2007 u bħalissa direttur tat-teatru nazzjonali Radu Stanca.
    • Maħtura mill-Parlament Ewropew: Jordi Pardo (Spanja), responsabbli mill-proġetti kulturali fil-qasam tal-kultura internazzjonali; Steve Green (ir-Renju Unit), konsulent u riċerkatur fil-politika kulturali.
    • Maħtura mill-Kumitat tar-Reġjuni: Elisabeth Vitouch (l-Awstrija), tirrappreżenta l-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u membru tal-gvern tal-Belt ta' Vjenna.
    • Wara l-bliet ta' din is-sena Guimarães (il-Portugall) u Maribor (is-Slovenja), il-Kapitali Ewropej tal-Kultura fl-2013 se jkunu Marsilja (Franza) u Košice (is-Slovakkja); Umeå (l-Iżvezja) u Riga (il-Latvja) fl-2014, Mons (il-Belġju) u Plzen (ir-Repubblika Ċeka) fl-2015, Wrocław (il-Polonja) u Donastia-San Sebastián (Spanja) fl-2016. Bord ta' esperti ppropona lil Aarhus (id-Danimarka) u Paphos (Ċipru) bħala l-Kapitali Ewropej tal-Kultura fl-2017.

    Għal aktar tagħrif

    Il-Kummissjoni Ewropea: il-websajt tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura

    Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

    Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

     

     

    L-aħħar aġġornament: 12/10/2012  |Fuq