Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-kriminalità ma tħallix qligħ: miżuri qawwija kontra l-profitti mill-kriminalità
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

12/03/2012 16:57:34

Kull sena fl-Ewropa, mijiet ta’ biljuni ta’ euro jmorru dritt fil-bwiet ta’ gruppi kriminali u tal-mafja. Minkejja l-isforzi tal-infurzar tal-liġi madwar l-Ewropa, ħafna mill-profitti illegali jibqgħu f’idejn il-kriminali. B’hekk il-gruppi kriminali jakkwistaw iktar saħħa u jisirqu mingħand iċ-ċittadini Ewropej il-flus tat-taxxa li jistgħu jiġu investiti fil-kura tas-saħħa jew fl-iskejjel.

    Illum il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda għal konfiska iktar effettiva u mifruxa ta’ fondi u proprjetà oħra miksuba permezz tal-kriminalità. Dan itejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jikkonfiskaw l-assi li jkunu ġew trasferiti lil partijiet terzi, il-konfiska ta' assi kriminali ssir eħfef, anki meta l-persuna ssuspettata tkun ħarbet u jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu temporanjament jiffriżaw assi li jkun hemm ir-riskju li jgħibu jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni.

    Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni qalet, "Jeħtieġ li l-kriminali nolqtuhom fil-laħam il-ħaj, billi niġru wara l-flus, u nerġgħu ndaħħlu l-profitti tagħhom fl-ekonomija legali, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta' kriżi. L-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom għodod aħjar biex isegwu t-traċċa tal-flus. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm aktar mezzi li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi rkuprat sehem aktar sinifikanti mill-assi kriminali”.

    Bħalissa, l-ammonti rkuprati mill-kriminalità organizzata huma modesti meta mqabbla mad-dħul iġġenerat minn attivitajiet illegali bħalma huma t-traffikar tad-drogi, l-iffalsifikar, it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu ta' armi żgħar.

    Skont stimi tan-NU , l-ammont totali ta’ rikavat mill-kriminalità ġġenerat fl-2009 seta’ kien bejn wieħed u ieħor USD 2.1 triljun jew 3.6 fil-mija tal-PDG globali f’dik is-sena. Filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-“flus maħmuġa” tinħasel u tiġi investita mill-ġdid fl-ekonomija legali, bħalissa anqas minn 1% tal-qligħ mill-kriminalità huwa ffriżat u kkonfiskat.

    Fl-UE l-profitti derivati milll-kriminalità organizzata huma sostanzjali. Pereżempju, il-bejgħ fl-UE ta’ drogi illeċiti jiġġenera madwar EUR 100 biljun fis-sena.
    Fl-Italja l-qligħ mill-kriminalità organizzata huwa stmat li jilħaq EUR 150 biljun fis-sena. Fl-2009, l-awtoritajiet Taljani temporanjament iffriżaw assi kriminali b’valur ta’ madwar EUR 800 miljun.

    Fl-2006, ġie stmat li fir-Renju Unit, ir-rikavat mill-kriminalità organizzata laħaq GBP 15-il biljun. Fl-istess sena, l-istat irkupra GBP125 miljun.
    Fl-2009 fil-Ġermanja ġew ikkonfiskati EUR 113-il miljun mill-kriminalità organizzata. Dan jidher impressjonanti, iżda mhux daqstant meta wieħed jikkunsidra li l-profitt stmat li mar għand il-kriminali f’dawn il-każijiet jammonta għal madwar EUR 903 miljuni.


    Nagħtu spinta fil-konfiska – il-protezzjoni tal-ekonomija
    Ir-rikavat ta’ gruppi kriminali organizzati qiegħed dejjem aktar jiġi investit barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom, spiss f’diversi Stati Membri, jew trasferit lil partijiet terzi (ħafna drabi qraba jew "persuni b’identità falza") sabiex jiġi evitat li jiġi kkonfiskat. Djar, karozzi, ristoranti, negozji żgħar u ishma ta’ kumpaniji huma biss ftit eżempji ta’ kif il-profotti illeċiti jistgħu jiġu investiti mill-ġdid f’assi jew attivitajiet legali.

    L-iffaċilitar tal-konfiska tal-assi jtellef l-attivitajiet kriminali u jiskoraġġixxi l-kriminalità billi juri li l-kriminalità ma tħallix qligħ. Hija wkoll tipproteġi l-ekonomija tagħna kontra l-infiltrazzjoni kriminali u l-korruzzjoni. L-irkupru ta’ aktar assi li jmorru għall-benefiċċju tal-Istat ikollu impatt sinifikanti fuq il-vittmi tal-kriminalità, fuq il-kontribwenti u fuq is-soċjetà kollha kemm hi. Meta jiġi kkonfiskat, ir-rikavat tal-kriminalità jista’ wkoll jiġi użat mill-ġdid għal skopijiet soċjali, jew biex jiġu pprovduti fondi li jiġu investiti mill-ġdid fl-infurzar tal-liġi jew f’inizjattivi għall-prevenzjoni tal-kriminalità.

    Il-proposta tal-lum se tissimplifika r-regoli eżistenti u se tneħħi lakuni importanti li huma sfruttati mill-kriminalità organizzata. Hija se:

    • Tistabbilixxi regoli iktar ċari u iktar effiċjenti dwar il-konfiska tal-assi li ma jkunux direttament marbuta ma’ att kriminali speċifiku, iżda li b’mod ċar jirriżultaw minn attivitajiet kriminali simili tal-persuna kkundannata (konfiska estiża).
    • Issaħħaħ ir-regoli dwar il-konfiska ta’ assi li jiġu trasferiti mis-suspettat favur terza persuna li kellha tinduna li dawn kienu ġejjin minn attività kriminali (konfiska fir-rigward ta’ parti terza).
    • Tippermetti l-konfiska ta’ assi meta ma jkunx possibbli li tingħata kundanna kriminali minħabba li s-suspettat ikun miet, ikun marid b’mod permanenti jew ikun ħarab (konfiska limitatali ma tkunx ibbażata fuq kundanna).
    • Tiżgura li l-prosekuturi jkunu jistgħu jiffriżaw temporanjament dawk l-assi li jkunu f’riskju li jgħibu jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, dejjem bil-konferma ta’ qorti (iffriżar kawtelatorju).
    • Titlob lill-Istati Membri biex jiġġestixxu l-assi ffriżati sabiex ma jonqsilhomx il-valur ekonomiku tagħhom qabel ma eventwalment jiġu kkonfiskati (ġestjoni tal-assi).
    • Tiżgura li l-azzjonijiet meħuda biex jiġu ffriżati u kkonfiskati l-assi jkunu bbilanċjati minn miżuri qawwija biex jitħarsu d-drittijiet fundamentali, partikolarment biex jiġu rispettati d-dritt għal preżunzjoni tal-innoċenza tal-individwu u d-dritt għall-proprjetà.

     

    L-isfond
    Fit-22 ta’ Novembru 2010 l-Kummissjoni adottat 'Strateġija ta' sikurezza interna fl-Azzjoni tal-UE' (IP/10/1535 u MEMO/10/598). Il-konfiska ngħatat prijorità strateġika fi ħdan l-UE bħala mezz fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

    Il-proposta tal-lum dwar il-konfiska hija parti minn sensiela ta’ miżuri li jfittxu li jipproteġu l-ekonomija legali mill-infiltrazzjoni kriminali marbuta mal-Istrateġija UE 2020 u l-Aġenda għall-Iżvilupp. Dawn jinkludu l-Pakkett tal-UE kontra l-Korruzzjoni (IP/11/678 u MEMO/11/376) u l-Istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi.

     

    Għal aktar informazzjoni
    MEMO/12/179
    Il-paġna ewlenija ta’ Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni
    www.ec.europa.eu/malmstrom  
    Il-paġna ewlenija tad-DĠ Affarijiet Interni:
    http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm
    Wieħed jista’ jniżżel materjal awdjoviżiv mis-sit:
    http://tinyurl.com/confiscatedassets

     

    L-aħħar aġġornament: 13/03/2012  |Fuq