Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

L-UE tippromwovi pjanijiet ambizzjużi biex jiġu protetti t-tonn u l-pixxispad fl-Atlantiku u fil-Mediterran
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

11/11/2011 12:52:45

Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) se tlaqqa’ t-22 Laqgħa Regolari tagħha f'Istanbul bejn il-11 u d-19 ta’ Novembru 2011. F'din il-laqgħa annwali, l-Unjoni Ewropea u Partijiet Kontraenti oħra tal-ICCAT se jaqblu dwar miżuri ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-protezzjoni sostenibbli tat-tonn u ta' speċijiet bħat-tonn fl-Atlantiku u fil-Mediterran. Dawn il-miżuri se jkunu bbażati fuq parir xjentifiku li ngħata fis-17 ta' Ottubru 2011 u se jinkludu l-iffissar ta’ Qabdiet Totali Permessi (TACs) meta jiġu rakkomandati mill-kumitat xjentifiku tal-ICCAT, eż. għat-tonn għajnu kbira u l-alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar. L-Unjoni Ewropea ser tressaq proposti ambizzjużi għall-konservazzjoni tal-pixxispad tal-Mediterran, it-tonn tropikali u l-klieb il-baħar, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku.

    L-UE se tippromwovi wkoll miżuri ta' mitigazzjoni kontra qabdiet inċidentali ta' tjur tal-baħar.  Fir-rigward tat-tonn, it-TAC għall-2012, is-sena li għaddiet kienet stipulata għal 12,900 tunnellata u huwa mistenni li tinżamm, minħabba li sadattant ma kien disponibbli l-ebda parir ġdid. Fil-laqgħa, se tingħata attenzjoni kbira sabiex isir kontroll biex il-Partijiet Kontraenti kollha jikkonformaw mar-regoli ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li huma fis-seħħ, partikolarment fir-rigward tat-tonn u t-tonn tropikali, biex jiġi żgurat ambjent ekwu bejn il-Partijiet u biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-miżuri.

    Biex tkompli tittejjeb it-traċċabbiltà tat-tonn mal-katina tas-suq, u biex tissaħħaħ il-ħila li jkun żvelat il-frodi u li jiġu skoraġġiti vjaġġi illegali, l-UE se tkompli tmexxi l-iżvilupp ta' Sistema ta' Dokumentazzjoni tal-Qbid elettronika għat-Tonn (e-BCD), li tieħu post is-sistema eżistenti bbażata fuq il-karti. Fl-istess ħin, l-UE se tippromwovi l-adozzjoni ta' Programmi ta' Dokumentazzjoni tal-Qbid għal speċijiet oħra mmexxija mill-ICCAT.

    F'konformità mal-ittra riċenti tal-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u għas-Sajd, Maria Damanaki, lill-President tal-ICCAT, l-UE se tipproponi li tniedi inizjattiva biex tikkonsolida u tkompli ttejjeb il-parir xjentifiku biex jiġu ffaċilitati deċiżjonijiet sodi u effettivi mill-maniġers tas-sajd tal-ICCAT. Din se tinkludi inċentivi għall-Partijiet Kontraenti biex jissottomettu d-dejta tal-qbid meħtieġa biex jiġu vvalutati l-ħażniet, inklużi l-klieb il-baħar, skont il-Konvenzjoni tal-ICCAT.

    L-UE se tkompli wkoll il-ġlieda tagħha kontra s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat billi tippromwovi l-adozzjoni ta' Miżuri tal-Istat tal-Port.

    Sfond
    L-għan tal-ICCAT huwa li żżomm f'livelli sostenibbli l-popolazzjonijiet tat-tonn u tal-ħut bħat-tonn li jinsabu fl-Oċean Atlantiku u fil-Mediterran. L-UE hija membru sħiħ tal-ICCAT u għandha rwol ewlieni sabiex jinkiseb dan l-għan.

    Għal aktar tagħrif:
    is-sit elettroniku tal-ICCAT

    L-aħħar aġġornament: 14/11/2011  |Fuq