Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tagħti EUR 600,000 għal Ċentru ġdid għall-Pluraliżmu tal-Midja u l-Libertà tal-Midja
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

07/11/2011 12:27:49

Il-Kummissjoni Ewropea qed twaqqaf Ċentru għall-Pluraliżmu tal-Midja u l-Libertà tal-Midja f'Firenze b'għotja ta' EUR 600,000 liċ-Ċentru Robert Schuman għall-Istudji Avvanzati tal-Istitut Universitarju Ewropew (EUI). Minn Diċembru 2011, u taħt it-tmexxija tal-Professur Pier Luigi Parcu, iċ-Ċentru se jiżviluppa ideat ġodda dwar kif tista' tiġi żgurata midja b'diversità għolja u libera, u se taħdem biex issaħħaħ il-kwalità tar-riflessjoni dwar il-pluraliżmu tal-midja fl-Ewropa.  Hekk kif ħabbret iċ-ċentru ġdid, Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Il-libertà tal-espressjoni tiddependi parzjalment fuq midja diversa u libera. Iċ-ċentru ġdid għandu ħidma importanti xi jwettaq hekk kif jiżviluppa u jittestja ideat ġodda dwar il-pluraliżmu u l-libertà tal-midja li jistgħu jarrikkixxu d-dibattitu pubbliku u l-politika pubblika".

    Brussell, is-7 ta’ Novembru 2011.

    Iċ-Ċentru se jwettaq erba' attivitajiet speċifiċi: riċerka teoretika u applikata (sensiela ta' dokumenti ta' ħidma, studji ta' politika, osservatorju dwar il-pluraliżmu tal-midja), dibattiti, attivitajiet edukattivi u ta' taħriġ (seminars akkademiċi, skolasajf) u tixrid ta' riżultati u eżiti.

    L-EUI ġie magħżul biex jospita ċ-ċentru minħabba l-esperjenza twila tal-Istitut fil-qasam tal-governanza Ewropea.
    Din l-inizjattiva hija pass ulterjuri fl-impenn dejjem għaddej tal-Kummissjoni li ttejjeb il-protezzjoni tal-pluraliżmu fil-midja u l-libertà tal-midja fl-Ewropa u biex tistabbilixxi jekk hijiex meħtieġa azzjoni ulterjuri fuq livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali. Dan l-aħħar stabbilixxiet grupp ta' livell għoli dwar dan is-suġġett, ippresedut minn Dr. Vaira Vike Freiberga (ara (IP/11/1173). Il-Kummissjoni qiegħda wkoll fil-proċess li tistabbilixxi grupp b'bosta partijiet interessati fil-futur tal-midja li se jsir operattiv fil-futur qarib.

    Sfond
    Id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tistabbilixxi li l-libertà u l-pluraliżmu fil-midja għandhom jiġu rispettati. Dawn jikkostitwixxu l-pedament għal kull soċjetà libera u demokratika u huma essenzjali għall-valuri demokratiċi u tas-soċjetà sottostanti tal-UE. L-eżerċitar effettiv ta' dawn id-drittijiet jista’ jkun affettwat b'mod detrimentali kemm minn atturi tal-gvern kif ukoll privati u jibqa' sors ta' tħassib.
    Huwa importanti wkoll li jiġi nnutat li żviluppi fit-teknoloġi tal-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż tad-distribuzzjoni u fl-ostakli għad-dħul ta' sorsi ġodda tal-midja, ħolqu wkoll tħassib, fost dawk li jfasslu l-politika, fir-rigward tad-diversità tal-midja, pereżempju billi jisfidaw il-mudell kummerċjali stabbilit tal-karta stampata.

    Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Parlament Ewropew ħadu interess attiv fil-ħarsien tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Fl-2011, il-Kummissjoni ħadet azzjoni kemm –il darba biex tiżgura kompatibbiltà bejn il-liġi nazzjonali u dik tal-UE. B'mod partikolari, f'Jannar 2011, il-Viċi President Kroes indirizzat uħud mill-aktar kwistjonijiet pertinenti fir-rigward tal-Liġi Ungeriża dwar il-Midja u l-kompatibbiltà ġenerali tagħha mal-liġi tal-UE u, b'mod partikolari, mad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jbiddel il-liġi Ungeriża dwar il-Midja fir-rigward ta' erba' punti i) l-obbligu ta' kopertura bilanċjata, ii) il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini, iii) rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u iv) kontenut offensiv. L-emendi miftiehma kienu adottati mill-Gvern Ungeriż fis-7 ta' Marzu 2011.

    Il-finanzjament taċ-Ċentru ttieħed mill-fondi li inizjalment kienu allokati għall-programm "Erasmus għall-Ġurnalisti" propost mis-Sinjur Paul Rübig MPE .

    Ħoloq utli
    Ċentru Robert Schuman għall-Istudji Avvanzati
    URL ewlieni għall-Istitut Universitarju Ewropew
    Studju ta' fattibbiltà dwar il-programm "Erasmus għall-Ġurnalisti"
    Task Force tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Midja
    Il-websajt tal-Aġenda Diġitali
    Il-websajt ta’ Neelie Kroes
    Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

    L-aħħar aġġornament: 08/11/2011  |Fuq