Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea jġeddu ftehim ta’sħubija
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

04/03/2013 11:42:54

Illum ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta ffirmat Ftehim ġdid ta' Delegazzjoni, u b'hekk ġeddet il-Ftehim ta' Sħubija mal-MEUSAC, li ilu stabbilit mill-2009. Iffirmaw il-Ftehim is-Sur Martin Bugelli f'isem il-Kummissjoni Ewropea u Dott. Vanni Xuereb, f'isem il-MEUSAC.

    Il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea jġeddu ftehim ta’sħubija

    L-għan tal-ftehim il-ġdid huwa li jirregola l-kompiti u r-responsabilitajiet tal-MEUSAC bħala Korp Intermedjarju maħtur mill-Gvern ta' Malta għall-iskopijiet ta' implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' komunikazzjoni relatati mal-UE. Il-Ftehim ta' Sħubija għandu l-għan li joħloq sinerġiji bejn il-mezzi ta' azzjoni li jużaw l-Istati Membri u l-Kummissjoni u l jikkoordina l-attivitajiet tagħhom ta' informazzjoni u komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea permezz ta' Pjan ta' Komunikazzjoni li jsir qbil dwaru b'mod konġunt.

    Il-Pjani ta’ Komunikazzjoni li jsiru kull sena jitfasslu u jiġu regolati minn Tim ta’ Koordinazzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-gvern nazzjonali, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, u li l-funzjoni tiegħu hi li jikkoordina l-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni.

    Permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija, il-Kummissjoni tiddelega xi wħud mill-poteri ta’ finanzjament tagħha lil entitajiet intermedjarji nazzjonali mqabbda mill-Istati Membri u approvati mill-istess Kummissjoni. Dawn l-entitajiet huma responsabbli li jwettqu miżuri amministrattivi ġenerali marbuta ma’ inizjattivi konġunti ta’ informazzjoni skont kif żviluppati fil-Pjani ta’ Komunikazzjoni.

    Meta kien qed jindirizza l-istampa, is-Sur Bugelli qal li l-Ftehim ta' Delegazzjoni li qed jorbot lill-Kummissjoni Ewropea li talloka dawn il-fondi lill-MEUSAC, jikkonferma r-relazzjoni ta' ħidma eċċellenti li l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet mal-MEUSAC tul dawn l-aħħar erba' snin. Huwa spjega li dan juri li l-Ewropa mhijiex imbiegħda jew distakkata miċ-ċittadini, u ddeskriva lill-Unjoni wkoll bħala qrib iċ-ċittadini tagħha permezz tal-entitajiet nazzjonali. Huwa qal li l-entitajiet nazzjonali għandhom ir-responsabilità li jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati tajjeb dwar l-UE. Bugelli ddeskriva lill-MEUSAC bħala l-entità ideali li xxerred l-informazzjoni għaliex għandha l-kapaċità u l-għarfien ta' kif tilħaq udjenza wiesgħa, li tifrex minn ċittadini sa negozji, NGOs u kunsilli lokali.

    Il-kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb qal li l-Ftehim il-ġdid se jkun qed jibni fuq is-suċċess ta' dak ta' qablu u għalhekk se jkun qed jintensifika kemm se jmiss il-pubbliku ġenerali. Huwa spjega li l-miżuri ta' komunikazzjoni ta' din is-sena se jindirizzaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE bil-MEUSAC maħtur ukoll bħala l-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013. Dott. Peter Agius, Kap tal-Uffiċċju Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta, qal li l-UE hi daqstant kumplessa daqskemm hija ta’ benefiċċju għall-ħajja ta’ kuljum, għall-ekonomija u għall-aspirazzjonijiet għall-ġejjieni. Żied jgħid li jeħtieġ negħlbu dawn il-kumplessitajiet marbuta mal-UE biex niżguraw li l-għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej jilħaq il-pubbliku Malti.

    Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Chris Said irringrazzja partijiet involuti għall-ħidma eċċellenti, fit-twassil tal-informazzjoni dwar l-UE.

    L-aħħar aġġornament: 08/03/2013  |Fuq