Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-Kummissjoni Ewropea taġġorna l-lista Ewropea tas-sikurezza tal-linji tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

03/04/2012 12:34:25

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat id-19-il aġġornament tal-lista Ewropea tat-trasportaturi tal-ajru li, għal raġunijiet ta’ sikurezza, huma soġġetti għal projbizzjoni tal-operat jew restrizzjonijiet operattivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Conviasa, trasportatur tal-ajru ċċertifikat fil-Venezwela ġie miżjud fil-lista minħabba tħassib dwar problemi tas-sikurezza li għadhom jeżistu. Wara konsultazzjonijiet kostruttivi, l-awtoritajiet Libjani ddeċiedew li jadottaw miżuri rigorużi applikabbli għat-trasportaturi tal-ajru kollha li huma d-detenturi ta’ liċenzja fil-Libja, li jeskluduhom milli jtiru lejn l-UE, mill-inqas, sa Novembru 2012.

    Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: “Il-Kummissjoni hija lesta li tagħmel kull sforz sabiex tassisti lill-ġirien tagħha fil-bini tal-kapaċità teknika u amministrattiva tagħhom u biex jegħlbu kwalunkwe diffikultà, fil-qasam tas-sikurezza, kemm jista’ jkun malajr u bl-akbar effiċjenza possibbli. Sadanittant, is-sikurezza tiġi l-ewwel u qabel kollox. Ma nistgħu nippermettu l-ebda kompromess f’dan il-qasam. Fejn ikollna prova ġewwa jew barra l-Unjoni Ewropea li t-trasportaturi tal-ajru mhumiex qegħdin iwettqu operazzjonijiet sikuri, għandna naġixxu biex niggarantixxu l-esklużjoni ta' kull riskju għas-sikurezza.”

    Il-Kummissjoni Ewropea adottat illum id-19-il aġġornament tal-lista Ewropea tas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal projbizzjonijiet fuq l-operat u għal restrizzjonijiet operattivi oħra fi ħdan l-UE, magħrufa aħjar bħala "il-lista tal-UE tas-sikurezza tal-ajru ". Id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-opinjoni unanima tal-Kumitat dwar is-Sikurezza tal-Ajru, magħmul minn rappreżentanti tas-27 Stat Membru tal-UE, il-Kroazja, in-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA). Il-lista l-ġdida tieħu post dik preċedenti stabbilita f'Novembru 2011 u hija disponibbli għall-konsultazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni.

    Sabiex jiġi żgurat li r-riskji tas-sikurezza huma mrażżna, kienet meħtieġa projbizzjoni fuq l-operat ta’ Conviasa ċċertifikata fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela minħabba bosta kwistjonijiet ta’ tħassib dwar is-sikurezza li jirriżultaw minn aċċidenti u spezzjonijiet fir-rampa fl-ajruporti tal-UE. Il-prestazzjoni tas-sikurezza ta' żewġ trasportaturi tal-ajru Venezwelani oħra, Estellar Latinoamerica u Aerotuy, kienet ukoll analizzata bir-reqqa; madankollu, it-teħid ta’ miżuri ma tqiesx bħala neċessarju f’dan l-istadju. Madankollu, dawn iż-żewġ trasportaturi tal-ajru jibqgħu soġġetti għal monitoraġġ rinfurzat.

    Tħassib serju ġie identifikat fir-rigward tas-sorveljanza tas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru detenturi ta' liċenzja fil-Libja. Għaldaqstant, saru konsultazzjonijiet intensi mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Libja u mal-Ministru tat-Trasport Libjan. Bħala riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Libja adottaw restrizzjonijiet applikabbli għat-trasportaturi tal-ajru kollha detenturi ta' liċenzja fil-Libja, li jeskluduhom milli jtiru lejn l-UE b'effett immedjat u, mill-inqas, sat-22 ta’ Novembru 2012. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni, bl-appoġġ sħiħ tal-Kumitat dwar is-Sikurezza tal-Ajru, qieset li l-inklużjoni ta' trasportaturi tal-ajru Libjani fil-lista tal-UE tas-sikurezza tal-ajru ma kinitx meħtieġa. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-awtoritajiet Libjani tibqa’ soġġetta għal monitoraġġ mill-qrib.

    Il-lista Ewropea tas-sikurezza tal-ajru ġiet ukoll aġġornata biex tirrifletti trasportaturi tal-ajru eżistenti fi Stati li jidhru fil-lista f’deċiżjonijiet preċedenti: għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ġie miżjud Jet Congo Airways; għall-Ginea Ekwatorjali, ġie miżjud Punto Azul filwaqt li GETRA, Guinea Airways, UTAGE, Euroguineana de Aviacion y Transportes, General Work Aviacion, Star Equatorial Airlines u EGAMS tneħħew fuq evidenza li huma waqqfu l-operat tagħhom; għall-Indoneżja, ġew miżjuda TransNusa Aviation Mandiri, Enggang Air Service, Surya Air, Ersa Eastern Aviation u Matthew Air Nusantara, trasportaturi ċċertifikati ġodda fl-Indoneżja, filwaqt li Megantara tneħħa fuq evidenza li kien waqaf l-operat tiegħu; għall-Mawritanja, kien miżjud Mauritania Airlines filwaqt li tneħħa Mauritania Airways fuq evidenza li kien waqaf l-operat tiegħu; għall-Filippini, ġew miżjuda Aero Equipment Aviation Inc, AirAsia Philippines, Certeza Infosys Corp., Mid-Sea Express, Southern Air Flight Services, NorthSky Air Inc. u Island Helicopter Services.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet tas-sorveljanzai tas-sikurezza tal-Albanija, ta’ Aruba, tal-Indoneżja, tal-Libja, tal-Pakistan u tar-Russja biex jirriformaw is-sistema tal-avjazzjoni ċivili u notevolment biex itejbu s-sikurezza sabiex jiggarantixxu li l-istandards internazzjonali tas-sikurezza huma applikati b’mod effettiv u konsistenti. Il-Kummissjoni hija lesta li tipprovdi appoġġ attiv għal dawn ir-riformi f'kooperazzjoni mal-ICAO, mal-Istati Membri tal-UE u mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni.

    Il-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha bis-sħiħ li tappoġġja konformità aħjar mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza kull fejn hu possibbli u f'din il-perspettiva tat mandat lill-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni biex twettaq sensiela ta' missjonijiet ta' assistenza teknika biex tappoġġja lill-awtoritajiet kompetenti ta' għadd ta' stati, fl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sikurezza.

    Il-lista Ewropea aġġornata tas-sikurezza tal-ajru tinkludi t-trasportaturi kollha ċċertifikati f'21 Stat, li jirrappreżentaw 279 trasportatur tal-ajru magħrufa, li l-operat tagħhom huwa kompletament ipprojbit fl-Unjoni Ewropea: l-Afganistan, l-Angola, il-Benin, ir-Repubblika tal-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon (bl-eċċezzjoni ta’ tliet trasportaturi li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja (bl-eċċezzjoni ta' sitt trasportaturi), il-Kazakistan (bl-eċċezzjoni ta’ trasportatur wieħed li jopera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), il-Kirgiżistan, il-Liberja, il-Mawritanja, il-Możambik, il-Filippini, Sjerra Leone, São Tomé u Principe, is-Sudan, is-Sważiland u ż-Żambja.

    Il-lista tinkludi wkoll ħames trasportaturi individwali: Blue Wing Airlines mis-Surinam, Meridian Airways mill-Gana, Rollins Air mill-Ħonduras u Silverback Cargo Freighters mir-Rwanda u Conviasa mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

    Barra minn hekk, il-lista tinkludi 11-il trasportatur tal-ajru li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operattivi u li għandhom permess joperaw fl-UE taħt restrizzjonijiet stretti: Air Astana mill-Kazakistan kif jissemma qabel, Air Koryo mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, Airlift International mill-Gana, Air Service Comores, Afrijet, Gabon Airlines u SN2AG mill-Gabon, Iran Air, TAAG Angolan Airlines, Air Madagascar u Jordan Aviation.

    L-aħħar aġġornament: 03/04/2012  |Fuq