Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-Kulleġġ De La Salle għat-tieni darba jirbaħ il-Kompetizzjoni tat-Tradutturi Żgħażagħ
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

03/02/2012 14:19:27

Illum ġew ippubblikati l-ismijiet tas-27 rebbieħ tal-Kompetizzjoni tat-Tradutturi Żgħażagħ magħrufa bħala Juvenes Translatores, li kull sena tiġi organizzata mill-Kummissjoni Ewropea (ara l-lista sħiħa ta' rebbieħa hawn taħt). Ir-rebbieħa Maltija hija Natalia Grima, studenta tas-Sixth Form li tattendi l-Kulleġġ De La Salle. Grima kellha l-aqwa traduzzjoni minn fost sitt iskejjel (l-għadd massimu ta' skejjel Maltin li jistgħu jieħdu sehem f'din il-kompetizzjoni).

    Intgħażel rebbieħ wieħed minn kull pajjiż tal-UE, minn aktar minn 3 000 student li daħlu għall-kompetizzjoni f'Novembru li għadda. L-għadd ta' parteċipanti għola b'aktar minn 400 ruħ mis-sena ta' qabel u kien l-ogħla wieħed minn mindu tnediet il-kompetizzjoni fl-2007. Grima, flimkien mar-rebbieħa l-oħra, issa se tmur Brussell fis-27 ta' Marzu biex tirċievi premju u tlitaqa' ma' tradutturi li jaħdmu l-Kummissjoni.

    Androulla Vassiliou, Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet “Din hija kompetizzjoni li tħeġġeġ lill-istudenti biex jiksbu għarfien tal-ilsna barranin b'mod aktar profond u biex jikkunsidraw li jużaw l-għarfien tagħhom fil-karriera futura tagħhom, kemm jekk jagħżlu t-triq ta' traduttur kif ukoll fi kwalunkwe triq professjonali oħra fejn il-mulitlingwiżmu huwa vantaġġ. Il-kompetizzjoni sservi wkoll ta' ispirazzjoni għall-iskejjel biex jitgħallmu minn xulxin u jippruvaw metodi differenti ta' tagħlim tal-ilsna.”

    Ir-rebbieħa kollha juru li l-għarfien tal-ilsna jimbuttak 'il quddiem u jiftaħlek moħħok għal possibilitajiet ġodda.

    Pereżempju r-rebbieħa Ġermaniża riedet tmur skola tal-mużika fl-Ungerija u allura minbarra li pperfezzjonat il-ħila tagħha fil-flawt u l-pjanu, tgħallmet ukoll titkellem bl-Ungeriż. Ir-rebbieħa Rumena kitbet artiklu tal-bijofiżika li kienet parzjalment ibbażata fuq materjal ta' sors Ingliż li ttraduċiet hija stess. Ir-rebbieħa Lussemburgiża tħaddan it-tradizzjoni multilingwi ta' pajjiżha bl-għarfien li għandha tal-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Olandiż, l-Ingliż u l-Ispanjol..

    Natalia Grima titkellem b'erba' ilsna u qed tippjana li tiggradwa bħala avukat bi speċjalizzzzjoni fil-Liġi Ewropea. Hi tixtieq li xi darba taħdem mal-istituzzjonijiet tal-UE u tgħid li l-passatempi tagħha huma l-fotografija, l-ivvjaġġar u l-għawm. Hi se jkollha l-opportunità li tipprattika tnejn minnhom f'Marzu li ġej meta tattendi għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fi Brussell.

    L-istudenti kollha li ħadu sehem kellhom jittraduċu test ta' paġna abbażi tal-għażla tagħhom minn 506 kombinazzjonijiet ta' ilsna possibbli minn fost it-23 lsien uffiċjali tal-UE. Għalkemm il-biċċa l-kbira għażlu l-Ingliż bħala l-lingwa sors, l-għadd totali ta' kombinazzjonijiet tal-ilsna kien 148, l-ogħla wieħed minn mindu tvarat din il-kompetizzjoni.

    it-tema tat-testijiet ta' din is-sena kienet il-volontarjat (biex tikkommemora s-Sena Ewropea tal-Volontarjat tal-2011), iżda kull test ta' lingwa kien jittratta lati differenti tas-suġġett: pereżempju t-test Olandiż kien jiffoka fuq ir-restawr ta' knisja fit-Toskana, dak Franċiż kien dwar it-tindif tal-ixtut ramlin, u dak Pollakk kien dwar ix-xogħol fi skola fiċ-Ċili għal tfal li huma sottoprivileġġjati. Uħud miż-żgħażagħ li daħlu għal kompetizzjoni żgur li kienu ispirati mit-tema tal-volontarjat għax wara l-kompetizzjoni kien hemm fosthom min daħal bħala volontier mar-Red Cross u NGOs oħra.

    Sfond
    Il-kompetizzjoni ‘Juvenes Translatores’ ('tradutturi żgħażagħ' bil-Latin) tiġi organizzata kull sena mid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni. Hija miftuħa għall-istudenti ta' 17-il sena li jattendu s-sixth-form  (din id-darba dawk li twieldu fl-1994) u sseħħ fl-istess ħin fl-iskejjel kollha li jintgħażlu madwar l-Ewropa kollha. Il-kompetizzjoni saret għall-ewwel darba fl-2007 bħala proġett bi prova biex iż-żgħażagħ ikollhom esperjenza ta' xi jfisser li tkun traduttur u biex jissaħħaħ il-profil tat-tagħlim tal-ilsna fl-iskejjel.

    Dik is-sena, ir-rebbieħ Malti kien Thomas Bugeja, li bħal Grima, kien student tal-Kulleġġ De La Salle. Il-kompetizzjoni ħeġġet lil uħud minn dawk li ħadu sehem biex jagħżlu l-istudju tal-ilsna u jsiru tradutturi.

    It-tradutturi tal-Kummissjoni ħejjew it-test għall-kompetizzjoni biex jiżguraw l-istess livell ta' sfida lingwistika u kkoreġew ix-xogħol tal-istudenti. Kull traduzzjoni ġiet ivvalutata minn persuni li għandhom bħala lsien twelidhom dik il-lingwa li fiha nqaleb it-test.

    Għal aktar tagħrif: 
    Contest website
    Facebook
    Twitter
    DG Translation
    Androulla Vassiliou's website  

     

    L-aħħar aġġornament: 03/02/2012  |Fuq