Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

ACTA – X'inhu ġenwin u x'inhu falz
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

03/02/2012 11:23:30

Martin Bugelli - Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta. Kull sena fl-Ewropa nitilfu mat-€8 biljun minħabba l-prodotti foloz li jinvadu s-swieq tagħna, u din iċ-ċifra dejjem tikber. Il-materja prima tal-Ewropa hija l-proprjetà intellettwali. Min jisraqha jkun qed jeqred l-impjiegi, ikisser il-kompetittività u joħnoq il-kreattività u l-innovazzjoni.

    ACTA – X'inhu ġenwin u x'inhu falz

    Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi Ewropej għandhom jiġu protetti mill-effetti, li jistgħu jkunu ta' dannu, ta' imitazzjonijiet u ta' prodotti foloz li jiġu manifatturati fuq skala kbira minn operaturi bla skrupli. Il-prodotti li jaslulna permezz ta' dawn l-attivitajiet illegali ma jġorrux magħhom ir-responsabilitajiet tal-produttur bħall-konformità mal-istandards regolatorji, bħalma jagħmlu l-prodotti ġenwini.

    L-iffirmar mill-UE tal-ACTA (Ftehim Kummerċjali Kontra l-Iffalsifikar) jidher li qed iqajjem ċertu tħassib, b'mod speċjali fost dawk li jużaw l-internet, forsi minħabba n-nuqqas ta' għarfien dwar x'jinvolvi eżattament. Ma jgħin xejn il-fatt li xi kultant l-ACTA jħalltuh mas-SOPA (Stop Online Piracy Act), il-liġi proposta fl-Istati Uniti. Din issa twarrbet mill-Amerikani anki wara li l-Wikipedia u l-Google ibblukkaw is-siti tagħhom għal ġurnata sħiħa l-ġimgħa li għaddiet, bi protesta kontriha.

    L-ACTA mhuwiex is-SOPA. L-ACTA ma jipprevedi l-ebda regola li taqta' l-internet liċ-ċittadini. L-ACTA mhux se jwassal biex joqogħdu jgħassulek l-iPod, il-laptop, l-emails jew it-telefon tiegħek. Mhu se jiċċensura l-ebda sit tal-internet u lanqas mhu se jtellfek milli taqsam il-files ma' ħaddieħor fuq Facebook. Fil-fatt, l-ACTA ma jintroduċi l-ebda liġi ġdida tal-UE, u żgur mhux se jhedded il-liberttà tal-internet. L-allegazzjoni li l-implimentazzjoni tal-ACTA se tillimita b'xi mod id-drittijiet fundamentali jew il-libertajiet ċivili hija sempliċement bla bażi.

    L-ACTA huwa ftehim internazzjonali (li ffirmawh anke l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, il-Messiku, il-Marokk, New Zealand, Singapor, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti), li għandu x'jaqsam mal-proċeduri u l-miżuri biex regoli li diġà jeżistu fl-Ewropa, ikunu jistgħu jiġu infurzati. Huwa jagħti għodda lid-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex jilqa' kontra attivitajiet ta' ffalsifikar fuq skala kbira. Id-detenturi Ewropej tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali se jkunu jistgħu jibdew jinfurzaw drittijiethom f'pajjiżi li huma barra mill-UE u li huma parti mill-ACTA, anke fejn sa ftit ilu kienu esposti.

    Donnhom ftit intebħu li l-ACTA ma jikkonċernax l-internet biss iżda jinkludi anki saħħitna. Il-mediċini foloz jagħmlu kważi 10 % tal-kummerċ dinji fil-mediċini. L-ACTA jolqot bl-istess mod lil dak l-awtur Ewropew li jsib quddiemu kopji illegali tal-ktieb tiegħu li lanqas biss ikunu fl-UE, jew lil dik il-kumpanija tal-ħwejjeġ li ssib imitazzjonijiet li jkunu qed jikkompetu mal-ħwejjeġ ġenwini tagħha għad-detriment tal-investiment li tkun għamlet biex żviluppat il-prodott.

    Id-dokument innifsu tal-ACTA ilu disponibbli għall-pubbliku minn April tal-2010. Tista' ssibu fuq l-internet bl-ilsna uffiċjali kollha tal-UE, jiġifieri bil-Malti wkoll. In-negozjati tal-ACTA fl-istrutturi tal-UE ma kinux differenti minn negozjati oħra ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor. L-allegazzjonijiet li saru xi negozjati b'mod sigriet huma infondati. In-negozjati intergovernattivi li jittrattaw kwistjonijiet li għandhom impatt ekonomiku ma jsirux fil-miftuħ u dawk li jinnegozjaw huma marbuta b'ċertu livell ta' kunfidenzjalità. Taħt l-umbrella tat-Trattat ta' Liżbona u l-Ftehim ta' Qafas rivedut, hemm regoli ċari dwar il-mod kif il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar dawn in-negozjati kummerċjali, u dawn ġew segwiti b'mod metikoluż. Il-Kummissarju De Gucht ħa sehem fi tliet dibattiti plenarji tal-Parlament Ewropew, wieġeb għal bosta mistoqsijiet kemm bil-miktub u kemm bil-fomm, kif ukoll għal żewġ Riżoluzzjonijiet u Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, filwaqt li s-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw diversi sessjonijiet ta' informazzjoni apposta mal-MEPs waqt in-negozjati.

    Il-ftehim huwa konformi mal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini tagħha, b'mod partikolari l-privatezza, il-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tad-data. Fi ftit kliem, l-ACTA huwa maħsub bħala ħarsien kontra ksur fuq skala kbira, u li spiss jitwettaq minn organizzazzjonijiet kriminali. Bl-ebda mod ma huwa xi mażra jew se jintuża biex jikkontrolla l-użu privat tal-internet miċ-ċittadini. Il-Kummissjoni Ewropea hija minn ta' quddiem timbotta l-aġenda diġitali għall-Ewropa, li tipprevedi internet mifrux, effiċjenti u disponibbli kemm jista' jkun għaċ-ċittadini, bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-istrateġija tat-tkabbir tal-Ewropa 2020.

    L-aħħar aġġornament: 08/03/2012  |Fuq