Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni testendi r-regoli f’każ ta’ kriżi fir-rigward tal-banek
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

01/12/2011 15:58:01

Il-Kummissjoni Ewropea aġġornat u tawlet il-perjodu ta’ validità ta’ sett ta’ regoli temporanji dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-istat, maħsuba biex jevalwaw l-appoġġ pubbliku li jingħata lill-istituzzjonijiet finanzjarji waqt il-kriżi. Il-dispożizzjonijiet prinċipali jikkonsistu fl-ispjegazzjoni dwar kif se jiġi żgurat li l-Istat jiġi kkumpensat kif xieraq jekk – kif qed isir dejjem aktar probabbli fil-futur – l-Istati Membri jiddeċiedu li jirrikapitalizzaw il-banek tagħhom bl-użu ta’ strumenti bħal ishma ordinarji li r-remunerazzjoni tagħhom ma tkunx stabbilita minn qabel. Kien hemm qbil ukoll dwar metodoloġija riveduta li tirrigwarda l-ikkumpensar għall-garanziji għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-banek – il-biċċa l-kbira tal-appoġġ li ngħata s’issa – sabiex ikun żgurat li l-ħlasijiet tal-banek ikunu jirriflettu r-riskju intrinsiku iktar milli r-riskju marbut mal-Istat Membru kkonċernat jew mas-suq b’mod ġenerali. Ir-regoli se japplikaw sakemm ikun meħtieġ minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq.

    Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2011

    Bejn l-2008 u l-2009 l-Kummissjoni Ewropea adottat regoli speċjali dwar l-għajnuna mill-istat biex ikun possibbli li l-Istati Membri jagħtu appoġġ lis-sistema bankarja waqt il-kriżi finanzjarja għall-ġid tal-istabilità finanzjarja, mingħajr ma jkun hemm tfixkil mhux mixtieq fil-kompetizzjoni fis-suq uniku tal-Unjoni Ewropea.  Intwera li r-regoli f’każ ta’ kriżi huma validi biex ikun żgurat li l-banek iwettqu ristrutturar meta jkun hemm bżonn ta’ bdil fil-mudelli ta’ negozju tagħhom biex tkun żgurata l-vijabbilità tagħhom fuq perjodu ta' żmien twil, pereżempju jekk ikunu jiddepedu ħafna fuq attivitajet ta' riskju kbir. Fl-aħħar mill-aħħar il-Kummissjoni naqqset l-ammont ta' flus li ġejjin mit-taxxi li jintużaw biex jingħata sostenn lill-banek, anki billi żgurat li l-azzjonisti u l-proprjetarji ta’ kapital ibridu jieħdu r-responsabilità għal parti mill-piż, b'mod li jkun ġust fir-rigward tagħhom.

    Il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-politika tal-kompetizzjoni Joaquín Almunia qal, “It-tensjonijiet fis-swieq tad-djun sovrani marru għall-agħar u dan poġġa lill-banek fl-Unjoni taħt pressjoni ġdida, biex b’hekk l-estensjoni tar-regoli f’każ ta’ kriżi kienet iġġustifikata, b’mod partikolari biex tgħin fid-dħul fis-seħħ tal-pakkett li dwaru ntlaħaq qbil fil-Kunsill Ewropew f'Ottubru biex terġa tinkiseb il-fiduċja u biex jitkompla r-ristrutturar meħtieġ fis-settur. “Se nkomplu ninsistu dwar ir-ristrutturar u t-tindif tal-karti tal-bilanċ, fejn dan ikun meħtieġ, biex inwaqqfu dan iċ-ċirku vizzjuż bejn il-kriżi tad-djun sovrani u settur finanzjarju dgħajef."  Fl-applikazzjoni tar-regoli, il-Kummissjoni se tqis bis-sħiħ l-elementi li jindikaw li l-banek jistgħu jkunu vijabbli fuq perjodu ta’ żmien twil mingħajr il-ħtieġa ta’ ristrutturar sinifikanti.” "

    Il-Komunikazzjoni li adottat il-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat biex jiġu appoġġjati miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, tikkonferma l-erba’ Komunikazzjonijiet li stabbilixxew il-kundizzjonijiet għal konformità mar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-istat tal-appoġġ fil-forma ta’ garanziji ta’ finanzjament, rikapitalizzazzjoni, għajnuna fis-salvataġġ tal-assi kif ukoll ir-rekwiżiti għal pjan ta’ ristrutturar jew vijabbilità (il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar)

    Il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-approvazzjoni temporanja tagħha malajr meta dan ikun meħtieġ biex tinżamm l-istabbilità finanzjarja, sakemm il-kundizzjonijiet tal-intervent ikunu konformi mal-linji gwida pprovduti.

    Iktar informazzjoni
    Minħabba li, mis-sajf lil hawn, żdiedet it-tensjoni fis-swieq tad-dejn sovran, is-settur bankarju tal-UE tpoġġa taħt pressjoni ġdida, u kien neċessarju li r-regoli f'każ ta' kriżi straordinarja jiġu estiżi, anki biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-"pakkett bankarju" li dwaru ntlaħaq qbil f’Ottubru bejn il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE. Il-pakkett għandu l-għan li jerġa’ jagħti l-fiduċja fis-settur permezz ta’ garanziji fuq l-iffinanzjar fuq tul ta' żmien medju u tal-ħolqien ta' protezzjoni temporanja ugwali għal koeffiċjent tal-kapital ta' 9% ta’ kapital tal-aqwa kwalità wara li titqies il-valutazzjoni tas-suq tal-espożizzjoni għal djun sovrani.

    Fid-dawl tal-bidliet regolatorji u tal-ambjent tas-suq li qed jinbidel, il-Kummissjoni tantiċipa li fil-futur l-injezzjonijiet ta' kapital mill-Istat jistgħu jsiru l-aktar fil-forma ta' ishma b'kumpens varjabbli. Peress li dawn l-ishma jitħallsu f’forma ta’ dividendi u ta’ qligħ fuq il-kapital, li min-natura tagħhom stess mhumiex ċerti, tingħata gwida dwar l-użu tal-valutazzjonjiet imsejsa fuq is-suq biex ikun raġonevolment żgurat li l-Istat jingħata ħlas xieraq.  L-ishma għandhom jinxtraw mill-Istat bi skont xieraq fuq l-iktar prezz riċenti tal-ishma, u dan jiddependi, fost oħrajn mid-daqs tal-injezzjoni tal-kapital meta mqabbel mal-kapital eżistenti tal-bank u minn jekk l-ishma jagħtux id-dritt tal-vot jew le. Fil-każ ta’ strumenti ta’ kapital ibridu, dawn għandhom jinkludu "mekkaniżmu ta’ ħlas alternattiv permezz ta’ ċedoli” li jippermetti li ċedoli li ma jitħallsux fi flus kontanti jitħallsu permezz ta’ ishma, u dan biex issir dispożizzjoni għal ċirkostanzi fejn jista' jkun li l-banek ma jkunux jistgħu jħallsu r-remunerazzjoni miftehma f'perjodu ta' żmien qasir. 

    Il-Kummissjoni rrivediet il-linji gwida tagħha dwar it-tariffi li għandhom jitħallsu mill-banek sabiex ikun żgurat li l-għajnuna tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biss u li tirrifletti r-riskju għall-finanzi pubbliċi. Il-metodoloġija riveduta tistabbilixxi tariffi minimi li għandhom japplikaw meta l-garanziji jingħataw fuq bażi nazzjonali.  Ir-regoli l-ġodda japplikaw għal garanziji li jkopru dejn li jrid jitħallas bejn sena u ħames snin wara (seba’ snin fil-każ ta’ bonds koperti). Ir-regoli fil-każ ta’ skadenzi għall-ħlas iktar qosra baqgħu l-istess.

    Pjanijiet ta’ ristrutturar
    Il-Kummissjoni se tibqa’ teħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw pjan ta’ ristrutturar (jew aġġornament ta’ pjan li jkun ġie approvat preċedentement) fir-rigward tal-banek kollha li jirċievu għajnuna mill-istat f’forma ta’ rikapitalizzazzjoni jew miżuri għat-trattament ta’ assi danneġġati, kemm jekk tingħata minn għejun nazzjonali jew tal-UE, u indipendentement mid-daqs jew ir-raġuni li għaliha tingħata l-għajnuna. Il-Kummissjoni tiddetermina jekk ikunx meħtieġ ristrutturar permezz ta’ valutazzjoni proporzjonata tal-vijabbilità tal-banek fuq perjodu ta’ żmien twil, billi tqis bis-sħiħ l-elementi kollha rilevanti:   jekk in-nuqqas ta’ kapital ikunx marbut b’mod essenzjali mal-kriżi fil-fiduċja fid-djun sovrani, jekk l-injezzjoni ta’ kapital tkunx limitata għall-ammont meħtieġ biex jiġi kkumpensat it-telf b'riżultat li l-bonds sovrani tal-Istati Membri tal-ŻEE jingħataw il-valur tas-suq tal-banek vijabbli, u l-analiżi turi li bank partikolari ma jkunx ħa riskju eċċessiv meta xtara dejn sovran.
    Il-banek li ma rċevewx għajnuna mill-istat f’forma ta’ rikapitalizzazzjoni jew miżuri għat-trattament tal-assi danneġġati, imma li jibbenefikaw mill-iffinanzjar iggarantit mill-Istat, m’għandhomx għalfejn jippreżentaw pjanijiet ta’ ristrutturar. Huma biss dawk li jagħmlu użu kbir mill-garanziji tal-istat għad-dejn tagħhom li se jibqgħu jkunu obbligati li jippreżentaw reviżjonijiet tal-vijabbilità lill-Kummissjoni.

    Sfond
    Ir-reġim minħabba l-kriżi ġie adottat għall-ewwel darba fl-2008-2009 eżatt wara il-kriżi finanzjarja li kien hemm wara l-falliment tal-Lehman Brothers. Dan jinkludi l-Komunikazzjoni dwar il-Banek, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni, il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Danneġġati u l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. Dawn ir-regoli speċjali ġew introdotti fl-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-UE li jippermetti lill-Kummissjoni li tapprova l-għajnuna mill-istat biex jinstab rimedju għal disturb serju fl-ekonomija ta' Stat Membru.

    Ir-regoli ġew aġġornati darbtejn qabel, f’Lulju 2010 meta għolew it-tariffi tal-garanziji biex jirriflettu aħjar il-profil ta’ riskju tal-benefiċjarji u biex jiġi evitat li jkun hemm dipendenza eċċessiva fuq strument li jirrappreżenta riskju kontinġenti kbir għall-finanzi pubbliċi. F’Diċembru 2010 ir-reġim ġie estiż għal sena, u l-bidla prinċipali kienet li l-banek kollha li jirċievu l-għajnuna permezz tar-rikapitalizzazzjoni jew tat-trattament ta’ assi danneġġati kienu meħtieġa jippreżentaw pjan ta’ ristrutturar indipendentement mid-daqs tal-appoġġ li rċevew (ara IP/10/1636).

    Għal lista tal-investigazzjonijiet individwali ta’ għajnuna mill-istat li għaddejjin bħalissa, kif ukoll ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-bidu nett tal-kriżi, ara MEMO/11/858.

    It-test sħiħ tal-Komunikazzjoni

    L-aħħar aġġornament: 06/12/2011  |Fuq