Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-Kummissjoni tħabbar ir-rebbieħa tat-Tielet Premju tal-UE tas-Saħħa għall-Ġurnalisti
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

01/02/2012 12:54:25

Il-lejl li għadda, ingħataw erba' premjijiet lil ġurnalisti Ewropej għall-aħjar artikli dwar kwistjonijiet tas-saħħa, magħżula minn madwar 500 artiklu ppreżentati minn ġurnalisti mis-27 Stati Membri kollha.

    L-aħjar artikli kienu dwar:

    • ir-reżistenza antimikrobjali
    • l-importanza tal-eżerċizzju fil-ġlieda kontra d-depressjoni
    • il-kanċer tas-sider
    • l-effetti ta' ħsara tat-tipjip

    Il-premjijiet ingħataw fil-kuntest tal-Premju tal-UE tas-Saħħa għall-Ġurnalisti tal-2011, li għandu l-għan li juri u jippremja x-xogħol tal-ġurnalisti mill-Unjoni Ewropea kollha li jżid l-għarfien dwar kwistjonijiet tas-saħħa importanti li jaffettwaw il-ħajja taċ-ċittadini tal-UE kollha. Is-suġġett ewlieni tal-Premju kien il-kampanja l-"Ewropa għall-Pazjenti", li tinkludi medda kbira ta' suġġetti relatati mal-kura tas-saħħa u mas-sigurtà tal-pazjenti. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni ta' din is-sena kienet tinkludi premju speċjali għal artikli dwar il-waqfien mit-tipjip, biex tiġi appoġġata ż-żieda tal-għarfien dwar xi jfisser it-tipjip u x'jagħmel lis-saħħa tan-nies.

    John Dalli, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Nixtieq nifraħ lir-rebbieħa u lill-finalisti nazzjonali kollha fil-Premju tas-Saħħa ta' din is-sena. Għal tliet snin, din il-kompetizzjoni ħeġġet l-għarfien u d-dibattitu dwar waħda mill-kwistjonijiet li hija l-aktar importanti fil-ħajja tan-nies: saħħithom. In-nies jixtiequ jkunu jafu dwar is-saħħa u l-ġurnalisti għandhom rwol importanti li jilħqu liċ-ċittadini u jinfurmawhom".

    Premju ewlieni:  l-Ewropa għall-Pazjenti
    Żewġ ġurnalisti mir-Renju Unit, Ben Hirschler u Kate Kelland, rebħu l-ewwel premju għall-artiklu tagħhom dwar ir-reżistenza antimikrobjali. "When the drugs don't work" (Meta l-mediċini ma jaħdmux), ippubblikat minn Reuters, jiffoka fuq id-diżastru emerġenti fil-kura tas-saħħa tas-"super-bugs" (batterji reżistenti ħafna) - suġġett fejn hemm nuqqas ta' għarfien, anke fost il-professjonisti tas-saħħa.

    It-tieni premju ngħata lil Rita Makarész mill-Ungerija għall-artiklu tagħha "The cheapest antidepressant" (L-antidepressiv l-aktar irħis). Dan l-artiklu, ippubblikat fuq il-portal tas-saħħa www.orvostkeresek.hu, juri l-benefiċċji tal-eżerċizzju bħala mezz ta' prevenzjoni tad-depressjoni.

    It-tielet premju ngħata lil Mateja Grošelj, mis-Slovenja għall-artiklu tagħha "From Lojze to Ludvika" (Minn Lojze għal Ludvika), ippubblikat fil-gazzetta Vecer li toħroġ kull ġimgħa.  Dan l-artiklu dwar il-kanċer l-aktar frekwenti fost in-nisa - il-kanċer tas-sider - jittratta s-suġġett min-naħa ta' mara li tkun qed tagħmel operazzjoni pijuniera tar-rikostruzzjoni tas-sider.

    Premju speċjali: Il-waqfien mit-tipjip
    Monika Cetera mill-Polonja rebħet il-premju speċjali għall-artiklu tagħha onlajn "I've come here to have my teeth treated, not to quit smoking" (Ġejt għal trattament ta' snieni, mhux biex nieqaf inpejjep) li jiddeskrivi fid-dettall effett ikrah iżda inqas magħruf tat-tipjip - is-saħħa mdgħajfa tal-ħalq. L-artikolu jiddeskrivi wkoll l-ispejjeż finanzjarji assoċjati mat-tipjip.

    Sfond
    Din hija t-tielet edizzjoni tal-Premju tal-UE tas-Saħħa għall-Ġurnalisti, inizjattiva ffinanzjata mill-Programm tal-UE għas-Saħħa. Għad-dettalji tal-ewwel żewġ edizzjonijiet tal-Premju, ara IP/10/1638 u IP/09/1661.

    L-għażla tar-rebbieħa kienet proċedura f'żewġ stadji. Il-ġuriji nazzjonali għażlu finalist nazzjonali u finalist mill-kategorija speċjali tal-waqfien mit-tipjip. Il-ġurija tal-UE, magħmula minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, esperti tas-saħħa pubblika u ġurnalisti, imbagħad iltaqgħu fi Brussell biex jiddeċiedu dwar l-erba' artikli rebbieħa. Il-finalisti kollha ġew mistiedna Brussell għal Seminar tal-Medja u Ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet.

    Ir-rebbieħ u dawk li rebħu t-tieni u t-tielet premjijiet tat-tielet edizzjoni tal-Premju tal-UE tas-Saħħa għall-Ġurnalisti jieċievu premjijiet ta' valur ta':

    • L-ewwel premju €6,000
    • It-tieni premju €2,500
    • It-tielet premju €1,500

    Ir-rebbieħ tal-premju speċjali dwar il-waqfien mit-tipjip jirċievi €3,000.

    Għal aktar tagħrif dwar il-Premju tal-UE tas-Saħħa għall-Ġurnalisti u biex taqra l-artikli rebbieħa u l-artikli li għaddew mill-ewwel fażi, irreferi għall-websajt iddedikata għalihom.

    Video and photo gallery

    Information concerning national winners

    Il-websajt tal-Kummissarju Dalli 
     

    L-aħħar aġġornament: 02/02/2012  |Fuq