L-Istorja bejn l-1964 u l-2004
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-UE jmorru lura għas-sittinijiet (1960’s) meta, tliet snin wara l-indipendenza tagħha fl-1964, Malta infurmat lill-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) li xtaqet tistabbilixxi relazzjonijiet formali. F’qasir żmien, bdew in-negozjati li wasslu għall-firma tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn Malta u l-KE fil-Belt Valletta fil-5 ta’ Diċembru 1970. Il-Ftehim, li dak iż-żmien kien it-tielet wieħed ta’ dan it-tip li l-KE ffirmat ma’ pajjiż terz, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 1971.
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fformalizza r-relazzjonijiet mill-qrib bejn Malta u l-UE. Skond il-Ftehim, ġie stabbilit il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Malta li jlaqqa’ rappreżentanti miż-żewġ naħat fuq l-iktar livell politiku għoli. Ġie mwaqqaf ukoll Kumitat Parlamentari Konġunt li jlaqqa’ l-Membri tal-Parlament minn Malta u l-Parlament Ewropew flimkien biex jiddiskutu suġġetti ta’ interess reċiproku. L-enfasi ewlenija tal-Ftehim kienet it-tneħħija gradwali tal-barrieri għall-kummerċ li eventwalment tkun tista’ tippermetti aċċess bla tfixkil għas-swieq ta’ xulxin. Ir-riżultat kien relazzjonijiet kummerċjali mill-qrib, bl-UE responsabbli minn 46% ta’ l-esportazzjonijiet ta’ Malta (minbarra l-esportazzjonijiet mill-ġdid) u 67% ta’ l-importazzjonijiet totali ta’ Malta (ċifri provviżorji għall-2002 miġbura mill-NSO).
Għalkemm baqa’ fl-ewwel fażi tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie estiż matul is-snin. Per eżempju, fl-1976 wara l-adeżjoni tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit u għal darba oħra fl-1988 wara l-adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall ma’ l-KE. Minbarra t-tibdil tekniku meħtieġ li t-tkabbir ġab miegħu, l-emendi taw lok għal relazzjonijiet dejjem iktar imsaħħa u mill-qrib. L-iktar kambjament notevoli kien l-introduzzjoni ta’ pakkett ta’ għajnuna teknika u finanzjarja permezz ta’ l-emenda ta’ l-1976, taħt forma ta’ Protokoll Finanzjarju (l-ewwel Protokoll Finanzjarju: 1978 –1983), li daħal fis-seħħ f’Novembru 1978. Il-Protokolli Finanzjarju pprovdew għajnuna finanzjarja u teknika lil Malta fi ħdan setturi speċifiċi li servew biex itejbu lil Malta. Malta ffirmat erba’ protokolli suċċessivi li allokaw Lm 61.6 miljun (ECU: 138.5m) f’għajnuna finanzjarja lil Malta.
Fis-16 ta’ Lulju 1990, Malta applikat b’mod formali għas-sħubija fil-Komunità Ewropea u wara ħarġet pubblikazzjoni b'opinjoni favorevoli (“Avis”) mill-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju 1993.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona fit-28 ta’ Novembru 1995 mmarkat bidla deċiżiva fir-relazzjonijiet ta’ l-UE mat-tnax-il imsieħeb Mediterranju tagħha inkluż Malta.
Is-Sħubija Euro-Mediterranja adottat tliet gruppi ta’ strumenti biex tilħaq l-għan tagħha:djalogu politiku u dwar is-sigurtà, kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u kummerċjali (inkluż iż-żona tal-kummerċ ħieles), sħubija fi kwistjonijiet kulturali, soċjali u umani.
Il-Kummissjoni Ewropea nediet Programm MEDA ta’ għajnuna finanzjarja ta’ valur ta’ €3, 400 miljun biex tiffinanzja l-implimentazzjoni tas-Sħubija Euro-Mediterranja bejn l-1995 u l-1999. Iktar reċentement tnieda l-Programm MEDA II. Ġie allokat baġit ta’ €5, 350 miljun għall-perjodu bejn l-2000 u l-2006. Il-MEDA II huwa strument ewlieni fit-tħejjija taż-żona tal-kummerċ ħieles ta’ l-Euro-Med sa l-2010. Taħt il-Programm MEDA, Maltahija eliġibbli biss biex tipparteċipa fi proġetti reġjonali.
Wara tibdil fil-Gvern f’Ottubru ta’ l-1996, l-applikazzjoni ta’ Malta għal sħubija fl-UE ġiet sospiża. Sussegwentement, Maltaġiet eskluża mill-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni u mid-djalogu strutturat.
Bħala riżultat tat-tibdil fil-Gvern wara l-elezzjoni ġenerali fil-5 ta’ Settembru 1998, reġgħu ngħataw bidu n-negozjati għall-adeżjoni ma’ l-UE. Il-Kunsill Ewropew ta’ l-Affarijiet Ġenerali ta’ Ottubru kkunsidra b’mod pożittiv it-talba ta’ Malta għar-riattivazzjoni tas-sħubija u "stieden lill-Kummissjoni biex tressaq analiżi ta’ l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni f’Malta mill-Opinjoni ta’ l-1993". Fi żmien ftit ġranet, il-Parlament Ewropew ivvota favur riżoluzzjoni li kienet titlob lill-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni biex jappoġġjaw l-adeżjoni ta’ Malta "kemm jista’ jkun malajr b’rispett sħiħ għat-Trattat u skond il-proċeduri tiegħu". Il-Parlament Ewropew talab ukoll li "l-Kunsill jinkludi lil Malta, kemm jista’ jkun malajr, bħala membru tal-Konferenza Ewropea".
Fis-17 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni Ewropea adottat rapport li kien jaġġorna l-opinjoni ta’ l-1993 dwar l-applikazzjoni ta’ Malta għas-sħubija fl-UE. Il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li l-Kunsill jagħti permess għall-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Malta bil-ħsieb li jibdew n-negozjati.
|