Mogħdija tan-navigazzjoni

MERIDIUM

Aħbarijiet

MERIDIUM

  • Id-data tal-BIDU : 06/01/2014 09:24:21

Migrazzjoni, Multilingwiżmu u l-Iskejjel fil-Pajjiżi tal-Ewropa t’Isfel

 

MERIDIUM (Multilingualism in Europe as a Resource for Immigration—Dialogue Initiative among the Universities of the Mediterranean) kien proġett ta’ tliet snin (2009-2011) ko-finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea fi ħdan il-Lifelong Learning Programme (LLP), Key Activity 2 Languages. L-iskop tiegħu kien li jistudja l-multilingwiżmu f’xi pajjiżi tal-Ewropa t’Isfel permezz ta’ ġbir ta’ informazzjoni minn studenti tal-Primarja u mill-ġenituri tagħhom.

Waqt il-proġett ġew diskussi xi strategiji li jkattru l-għarfien, fost l-istituzzjonijiet u s-soċjetà, tad-diversità lingwistika li ġġib magħha l-migrazzjoni. Il-valuri ta’ din id-diversità ingħataw importanza u l-miżuri li qed jittieħdu għall-integrazzjoni lingwistika ġew ivvalutati. Il-politika Ewropea li tħeġġeġ il-multikulturaliżmu ġiet promossa wkoll.

L-istituzzonijiet li ħadu sehem f’dan il-proġett kienu l-Università ghall-Barranin ta’ Perugia (li kienet ukoll responsabbli għat-tmexxija tal-proġett), l-Università ta’ Malta, l-Universidade, Nova ta’ Liżbona, l-Università Transylvania ta’ Brasov, l-Università Babeş-Bolyai Cluj-Napoca, l-Università tal-Litorale, Capodistria u l-Università ta’ Salamanca.

Il-proġett MERDIUM sar ġo 57 skola primarja u ħadu sehem fih 2,067 student tal-ħames klassi u l-ġenituri tagħhom. Ktieb li ġie ppubblikat reċentement (Migration, Multilingualism and Schooling in Southern Europe) jagħti tagħrif dwar ir-repertorji lingwistiċi u dwar l-użu, il-perċezzjoni u l-atitudnijiet lingwistiċi fil-pajjiżi li ħadu sehem fil-proġett. B’hekk ingħataw xi indikazzjonijiet preliminari rigward kemm huma mifruxin il-multilingwiżmu u d-diversità lingwistika u kif jiġu meqjusin u promossi fuq livell lokali.

Minbarra xi diskussjonijiet u d-disseminazzjoni tar-riżultati tal-proġett mal-amministraturi edukattivi u mal-awtoritajiet, l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri, ir-riċerkaturi tal-proġett MERIDIUM organizzaw xi attivitajiet ta’ kollaborazzjoni fl-iskejjel. L-għan ta’ dawn l-inizjattivi kien li jħajjru riflessjoni kritika tal-istrateġiji li jistgħu jintużaw biex l-ambjent edukattiv isir iktar konxju dwar id-diversità lingwistika u miftuħ għaliha.

Iktar dwar MERIDIUM