Għodod għall-aċċessibilità
Għodod tas-servizz
Selettur tal-lingwa
Mogħdija tan-navigazzjoni
L-Unjoni Ewropea għandha 23 lingwa uffiċjali u ta' ħidma. Dawn huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Irlandiż, it-Taljan, l-Iżvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Ungeriż.
L-ewwel Regolament tal-Komunità li ddetermina l-lingwi uffiċjali għadda fl-1958. Dan speċifika l-Olandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u t-Taljan bħala l-ewwel lingwi uffiċjali u ta' ħidma tal-UE, peress li dawn kienu l-lingwi tal-Istati Membri f'dak iż-żmien. Minn dakinhar, hekk kif iktar pajjiżi saru jagħmlu parti mill-UE, in-numru ta' lingwi uffiċjali u ta' ħidma żdiedu. Madankollu, hemm inqas lingwi uffiċjali minn kemm hemm Stati Membri, minħabba li xi wħud jaqsmu lingwa komuni. Ngħidu aħna, fil-Belġju l-lingwi uffiċjali huma l-Olandiż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, waqt li f'Ċipru l-maġġoranza tal-popolazzjoni titkellem il-Grieg, li hi lingwa bi status uffiċjali.
Minħabba l-limiti ta' ħin u baġitarji, relattivament ftit dokumenti huma tradotti fil-lingwi kollha. Il-Kummissjoni Ewropea tuża l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż b'mod ġenerali bħala lingwi proċedurali, filwaqt li l-Parlament Ewropew jipprovdi traduzzjoni f'lingwi differenti skont il-ħtiġijiet tal-Membri tiegħu.