Mogħdija tan-navigazzjoni

Ġustizzja Effettiva

L-aċċess għal sistema ta' ġustizzja effettiva hu dritt essenzjali, wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-demokraziji Ewropej imnaqqxa fit-tradizzjonijiet tal-kostituzzjoni komuni tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Sistemi ġudizzjarji effettivi u stat tad-dritt

Il-Kummissjoni Ewropea fl-Aġenda għall-Ġustizzja tal-UE għall-2020 – it-Tisħiħ tal-Fiduċja, tal-Mobbiltà u tat-Tkabbir fl-Unjoni Ewropea enfasizzat l-importanza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u tal-istat tad-dritt.

Sistemi ġudizzjarji nazzjonali effettivi huma kruċjali biex jinżammu l-valuri li fuqhom hi mibnija l-UE, għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka. Kull meta qorti nazzjonali tapplika leġiżlazzjoni tal-UE, din taġixxi bħala "qorti tal-Unjoni". Fejn id-drittijiet garantiti fil-liġi tal-UE ġew miksura, il-qorti nazzjonali għandha tipprovdi protezzjoni ġuridika effettiva għal kulħadd. L-importanza ta’ dan id-dritt għal rimedju effettiv hi minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropeapdf.

Sistemi ġudizzjarji effettivi għandhom ukoll rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi l-investiment, il-bini mill-ġdid tal-fiduċja, jipprovdu prevedibbiltà regolatorja akbar u t-tkabbir sostenibbli. Għal din ir-raġuni, it-titjib tal-effettività tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri ġie identifikat mill-Kummissjoni bħala komponent ewlieni għal riformi strutturali fis-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE. Għall-istess raġuni, ir-riformi ġudizzjarji nazzjonali saru wkoll parti integrali tal-komponenti strutturali fl-Istati Membri soġġetti għall-Programmi ta' Aġġustament Ekonomiku. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE hi għodda ta’ informazzjoni ta' użu għas-Semestru Ewropew billi tipprovdi dejta komparattiva dwar il-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri kollha.

Sistemi ġudizzjarji effettivi huma kruċjali għas-salvagwardjar tal-Istat tad-Dritt fl-Istati Membri. Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt adottat mill-Kummissjoni jimmira biex jindirizza t-theddid emerġenti sistematiku għall-istat tad-dritt, b'mod partikolari jekk is-"salvagwardji tal-istat tad-dritt" li jeżistu fil-livell nazzjonali jidhru li ma għadhomx aktar kapaċi jindirizzaw b'mod effettiv dan it-theddid.

Temi tal-ġustizzja fuq Twitter