Liġi kuntrattwali

L-iskambji ta' prodotti u servizzi huma rregolati mil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali. Minkejja l-armonizzazzjoni f'ċerti oqsma, xorta jibqgħu differenzi bejn liġijiet kuntrattwali nazzjonali u li jiffurmaw ostaklu ewlieni fi tranżazzjonijiet transkonfinali u jimpedixxu l-ħidma bla skossi tas-suq intern.
Ix-xiri u l-bejgħ ta' prodotti fl-UE jitmexxew skont il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali Id-differenzi bejn dawn il-liġijiet ixekklu l-kummerċ bejn il-pajjiżi u jgħollu l-prezz aktar mill-kummerċ domestiku.
B'mod partikolari n-negozji:
- ikollhom jidentifikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli tal-pajjiż l-ieħor u/jew jinnegozjaw din il-liġi, u
- iżidu n-nefqiet addizzjonali tat-traduzzjoni, il-parir legali u l-adattament tal-kuntratti tal-liġijiet nazzjonali differenti.
Dawn l-ostakli huma wieħed mill-fatturi li jgerrxu ħafna kumpaniji milli jipprattikaw kummerċ ma' pajjiżi oħra u lil kumpaniji oħra milli jespandu f'aktar Stati Membri. Dan hu l-każ b'mod partikolari għall-intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju. Għalihom l-ispejjeż tal-kummerċ ma swieq barranin differenti jista' jkun għoli żżejjed meta wieħed jikkonsidra l-fatturat tagħhom.
L-impatt fuq in-negozji li ma jbigħux f'pajjiżi oħra jfisser li l-konsumaturi ħafna drabi jitħallew b'inqas għażla u bi prezzijiet aktar għoljin fis-suq domestiku tagħhom, jew saħansitra ma jsibux il-prodotti ta' Stati Membri oħra.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Liġi Komuni Ewropea tal-Bejgħ





















.
Din il-proposta





















tagħti lill-kummerċjanti l-għażla li jbigħu l-prodotti tagħhom liċ-ċittadini ta' Stat Membru ieħor abbażi ta' sett wieħed biss ta' regoli legali kuntrattwali li jintużaw bħala alternattiva flimkien mal-liġi kuntrattwali nazzjonali ta' kull Stat Membru. Il-partijiet li jiffirmaw kuntratt ta' bejgħ transkonfinali (ma' pajjiż ieħor) ikun fejn ikun fl-UE jkunu jistgħu jagħżlu, permezz ta’ ftehim espress, li japplikaw il-Liġi Komuni Ewropea tal-Bejgħ.
Minħabba li din il-liġi tiftaħ l-opportunità għal swieq ġodda għan-negozji, tista' tagħti lill-konsumaturi aktar għażla ta' prodotti milli għandhom bħalissa u toffri l-vantaġġi li ġejjin:
- in-negozji jkunu jistgħu jinnegozjaw ma' Stati Membri oħra għal farka minn nefqa attwali
- l-ambjent legali għall-kummerċ ma' pajjiżi oħra jkun aktar sempliċi
- il-konsumaturi jibbenefikaw minn aktar għażla bi prezzijiet aktar baxxi
- il-konsumaturi jkunu mħarsa aħjar u jkunu aktar ċerti dwar drittijiethom meta jixtru prodotti minn Stati Membri oħra.



