Ġustizzja Ċivili
F'Ewropa bil-fruntieri miftuħin, hemm bosta okkażjonijiet li jistgħu jwasslu sabiex iċ-ċittadini jsibu ruħhom quddiem qorti ta' pajjiż tal-UE ieħor.
Żieda fit-tilwim transkonfinali
L-użu miżjud tad-drittijiet tal-moviment liberu ta' persuni, oġġetti u servizzi jirriżulta b'mod inevitabbli f'żieda fin-numru potenzjali ta' tilwimiet transkonfinali.
Pereżempju:
- individwi jistgħu jkunu involuti f'inċident waqt li jkunu fuq btala;
- jistgħu jordnaw, permezz tal-Internet, oġġetti minn barra li qatt ma jintbagħtu jew li jirriżultaw li jkunu difettużi;
- ġenitur jista' jkun telaq bit-tfal u mar jgħix f'pajjiż ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor.
F'żona Ewropea tal-ġustizzja, individwi ma għandhomx jiġu miċħuda jew skuraġġuti milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. L-inkompatibilità u l-kumplessità tas-sistemi legali jew amministrattivi f'pajjiżi tal-UE ma għandhomx ikunu ta' ostakolu.
Kooperazzjoni ġudizzjarja
L-UE implimentat għadd ta' miżuri mfasslin sabiex jgħinu lil individwi f'litigazzjoni transkonfinali. Għandha l-għan li tiżgura li n-nies ikunu jistgħu jirrikorru faċilment lejn qrati u awtoritajiet fi kwalunkwe pajjiż tal-UE daqs li kieku jkunu jistgħu jagħmlu f'pajjiżhom.
L-għodod ewlenin għall-faċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja transkonfinali huma:
- il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn il-pajjiżi tal-UE;
- kooperazzjoni ġudizzjarja diretta bejn qrati nazzjonali.
Matul dan l-aħħar deċennu, ġew implimentati aktar minn 20 strument leġiżlattiv fuq livell Ewropew.
Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili tfisser li jeżistu regoli ċari fuq kwistjonijiet bħalma huma:
- liema pajjiż tal-UE għandu l-ġurisdizzjoni;
- liema qorti hija kompetenti;
- liema liġi hija applikabbli; u
- li jiġi żgurat li sentenzi f'pajjiż wieħed jiġu rikonoxxuti u infurzati f'pajjiżi oħrajn mingħajr diffikultajiet.
Metodi alternattivi ta' solvien tat-tilwim, bħall-medjazzjoni, kellhom ukoll parti kbira fl-iffaċilitar tas-solvien ta' kunflitti transkonfinali.
Kif il-ġustizzja ċivili tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku fl-UE
Jekk in-nies u n-negozji jridu jieħdu vantaġġ sħiħ tas-suq uniku tal-UE, jeħtieġu aċċess faċli għall-ġustizzja, b'termini ugwali fil-pajjiżi kollha.
Regoli madwar l-UE huma meħtieġa:
- f'każijiet ta' litigazzjoni transkonfinali
- biex jiżguraw koperazzjoni tajba bejn il-qrati f 'pajjiżi differenti
- biex sentenzi tal-Qorti jistgħu jiċċirkolaw liberament madwar l-UE.
L-ambjent tan-negozju jista' jittejjeb minn:
- infurzar aħjar tat-talbiet kummerċjali
- simplifikazzjoni tal-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet transkonfinali (tinqata’ l-burokrazija u l-ispejjeż)
- dħul ta' regoli biex jgħinu l-kredituri jirkupraw id-dejn transkonfinali (63% minnu bħalissa ma jiġix ikklejmjat)
- immodernizzar proċedimenti ta' falliment tal-UE biex jgħinu ċertu ditti jibqgħu fin-negozju u ma jfallux.
Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa wkoll biex is-sistemi ġudizzjarji tagħhom jagħmluhom dejjem aktar effiċjenti u jimplimentaw riformi ġudizzjarji meħtieġa bħala parti minn programmi ta' rkupru ekonomiku tagħhom, għalhekk ikomplu l-politika ta' "Ġustizzja għat-Tkabbir Ekonomiku".



