Mogħdija tan-navigazzjoni

Promotional :: Għarfien dwar il-Baħar 2020: mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku.

Għarfien dwar il-Baħar 2020: mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku.

25 November 2013

L-eżitu tal-Konsultazzjoni Pubblika. Sommarju eżekuttiv

Fid-29 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni Ewropea nediet Green Paper ta’ konsultazzjoni  dwar l-inizjattiva tagħha "Għarfien dwar il-Baħar 2020". L-għan kien li jiġi skopert aktar dwar l-opinjonijiet tal-partijiet interessati rigward l-għażliet għall-governanza tal-inizjattiva fil-ġejjieni, u rigward l-involviment possibbli tas-settur privat. Il-konsultazzjoni għalqet fit-15 ta’ Diċembru 2012.

Wasal total ta’ 244 tweġiba (29 mis-soċjetà ċivili, 43 mis-settur privat, 95 mis-settur pubbliku u 77 mill-komunità tar-riċerka) minn 30 pajjiż, inkluż minn uħud minn barra l-UE li l-ilmijiet tagħhom imissu ma’ dawk ta' Stati Membri. Ħafna mis-sottomissjonijiet, speċjalment dawk li waslu mingħand gvernijiet nazzjonali, għaddew minn proċess estensiv ta’ konsultazzjoni u għalhekk irrappreżentaw l-opinjonijiet bilanċjati ta’ diversi organizzazzjonijiet. Dan ġie kkunsidrat bħala kampjun rappreżentattiv.

Il-konsultazzjoni pprovdiet ħafna differenzi dettaljati dwar kwistjonijiet legali u tekniċi li se jkunu utli ħafna għall-fażi li jmiss ta’ "Għarfien dwar il-Baħar 2020", iżda l-messaġġi ewlenin kienu dawn:

(1) Il-gruppi kollha ta’ utenti qablu dwar il-ħtieġa għal aċċess miftuħ għal dejta dwar il-baħar, kemm f'format mhux ipproċessat kif ukoll f'format aggregat. Il-konsorzju tas-soċjetà ċivili hu tal-fehma li l-oċeani huma riżorsa komuni u li għalhekk, dejta dwar il-baħar għandha tkun disponibbli mingħajr restrizzjoni, speċjalment jekk tkun inġabret bl-użu ta' fondi pubbliċi. Is-settur privat kien fil-biċċa l-kbira favur l-aċċess liberu, ħlief fejn jistgħu jiġu esposti sensitivitajiet kummerċjali jew fejn jista' jiġi meqrud l-inċentiv biex id-dejta tiġi miġbura fl-ewwel lok. L-awtoritajiet pubbliċi kienu tal-opinjoni li dan kieku jnaqqas l-ispejjeż relatati mal-monitoraġġ tal-istat tal-ambjent. B’mod partikolari, kważi kollha kienu tal-fehma li għandu jkun aktar faċli li d-dejta tinkiseb minn proġetti ta’ riċerka.

(2) Ġie nnutat għadd żgħir ta' eċċezzjonijiet rigward: is-sigurtà nazzjonali; ħsara lil siti ta' wirt u lil ekosistemi li jinsabu f'periklu; is-sensittività kummerċjali; il-ħtieġa li x-xjenzati jingħataw żmien biex jippubblikaw; u kwistjonijiet ta' sigurtà u responsabbiltà minħabba interpretazzjoni żbaljata tad-dejta.

(3) Il-kunsens ġenerali kien li pjattaforma komuni għat-tixrid tad-dejta dwar is-sajd ma’ dejta oħra dwar il-baħar, inkluż dik li titqassam permezz tal-programm spazjali tal-UE Copernicus, għandha tkun għan fit-tul. L-integrazzjoni eventwali ta’ dawn is-sistemi għandha tippermetti mmappjar kontinwu u mhux interrott ta’ temi trażversali tul termini ta' żmien differenti. L-interoperabbiltà tad-dejta u l-implimentazzjoni ta’ miżuri adegwati ta’ kontroll tal-kwalità huma kruċjali sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(4) L-arkitettura tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta dwar l-Ibħra (EMODnet) attwali – b’mod partikolari l-qsim f’seba’ gruppi tematiċi – il-ġeoloġija, il-batimetrija, il-fiżika, il-kimika, il-bijoloġija, il-ħabitats fiżiċi u l-attività tal-bniedem – ġiet kkunsidrata bħala tajba.

(5) Ġie enfasizzat il-potenzjal tal-inizjattiva tal-EMODnet biex tingħata assistenza fir-rigward tar-rappurtar dwar l-ambjent jew dwar is-sajd. Matul iż-żmien, il-proċess ta’ “mbuttar”, fejn ir-rapporti dwar l-ambjent tal-baħar jew dwar is-sajd jingħataw minn awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu ssodisfat obbligu legali, jista’ jiġi sostitwit bi proċess ta’ “ġbid”, fejn id-dejta ssir disponibbli permezz tal-Internet u tinkiseb mill-awtorità kompetenti bl-użu ta’ teknoloġija komuni. Dan kieku jnaqqas il-piż amministrattiv.

(6) Kien hemm kunsens kbir ħafna dwar il-ħtieġa għal mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Istati Membri u l-UE jingħataw parir dwar l-aktar programm kosteffikaċi ta’ kampjunar, ta' stħarriġ u ta' osservazzjoni għal kull baċir tal-baħar. Ġiet issuġġerita l-parteċipazzjoni ta' korpi xjentifiċi, ta' konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra, ta' kummissjonijiet idrografiċi reġjonali u ta' entitajiet li qed jiġbru d-dejta. Proċess regolari għandu jqis il-ħtiġijiet u t-teknoloġiji li qed jevolvu.

(7) Is-settur privat jinsab ħerqan li jiġi involut aktar f'inizjattivi ta' qsim tad-dejta bħal dik ta' EMODnet. Ir-rappreżentanti tas-setturi industrijali kienu b'mod ġenerali favur l-użu tal-faċilitajiet jew tal-bastimenti tagħhom lil hinn mill-kosta għal skopijiet ta' monitoraġġ usa’ tal-oċeani. Madankollu, iddikjaraw li kieku jippreferu approċċ mhux leġiżlattiv.

(8) Ġie ssuġġerit li għandha ssir aktar riċerka fil-qasam ta' għadd ta' teknoloġiji ta’ osservazzjoni. Fost dawn, ġew meqjusa bħala ta’ prijorità għolja sensers ġodda li huma kapaċi jkejlu l-parametri b'mod awtomatiku mingħajr il-ħtieġa li jinġiebu lura kampjuni lejn il-laboratorju.

It-tweġibiet kollha huma disponibbli permezz tal-websajt ta' DĠ-MARE, fejn wieħed jista' jsib ukoll rapport ta' sinteżi. Dawk li wieġbu ġew mitluba jivverifikaw li l-abbozz tas-sommarju jirrifletti l-fehmiet tagħhom b’mod preċiż. Saru għadd ta' korrezzjonijiet żgħar fuq il-bażi tal-opinjonijiet tagħhom. Ir-rapport finali se jkun il-materjal primarju għal valutazzjoni tal-impatt sabiex tittieħed deċiżjoni dwar kif l-aħjar isir progress u jinkiseb l-"Għarfien dwar il-Baħar 2020" ta’ żieda fil-produttività għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-korpi privati u għall-komunità tar-riċerka, kif ukoll aktar innovazzjoni u inċertezza mnaqqsa fir-rigward tal-għarfien dwar l-imġiba tal-baħar.

Fittex

Fittex fl-aħbarijiet kollha en