Mogħdija tan-navigazzjoni

Press releases and News :: Il-Kummissjoni Ewropea tanalizza l-effiċjenza tal-finanzjament pubbliku fil-Fond Ewropew għas-Sajd

Il-Kummissjoni Ewropea tanalizza l-effiċjenza tal-finanzjament pubbliku fil-Fond Ewropew għas-Sajd

(08/02/2013) Il-Ħames Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi analiżi dwar kif il-programmi tal-FES ikkontribwew għall-għanijiet oriġinali tagħhom stabbiliti fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. L-analiżi tuża r-riżultati tal-ewwel erba' snin sabiex teżamina kemm il-miżuri tal-FES ikkontribwew għall-kisba tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

Is-sejbiet jiffukaw fuq uħud mill-aktar miżuri importanti li jaqgħu taħt l-erba' assi ewlenin tal-FES li jinkludu aġġustament tal-flotta (assi 1); akkwakultura, proċessar u kummerċjalizzazzjoni, sajd f'ilmijiet interni (assi 2); miżuri ta' interess komuni (assi 3); u żvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd (assi 4).

  • L-akkwakultura u l-industrija tal-ipproċessar jirċievu l-maġġoranza tal-fondi tal-FES allokati skont l-Assi 2 (madwar €300 miljun rispettivament). L-analiżi tikkonkludi li minkejja l-investimenti mmirati lejn it-titjib fil-kapaċità produttiva, il-produzzjoni ġenerali mill-pajjiżi li jipproduċu l-aktar mhux neċessarjament żdiedet. Fir-rigward tal-impjiegi, l-industrija tal-ipproċessar, li timpjega aktar minn 140 000 ruħ, irreġistrat tkabbir ta' +3 %, waqt li kien hemm tkabbir aktar konservattiv fis-settur tal-akkwakultura.
  • Is-sussidji għall-qerda tal-bastimenti rrapreżentaw 56 % tal-pagament tal-FES skont l-Assi 1, jiġifieri EUR 202 miljun skont l-aħħar informazzjoni disponibbli. L-għan tal-qerda tal-bastimenti huwa li jonqos in-numru ta' bastimenti tas-sajd sabiex tiġi adattata l-kapaċità tas-sajd għar-riżorsi disponibbli.  Madankollu, l-evidenza disponibbli tindika li l-qerda tal-bastimenti ħafna drabi hija ta' benefiċċju għall-bastimenti li jinsabu f'diffikultajiet ekonomiċi aktar milli għal dawk li għandhom l-akbar impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut. Dan jidher ukoll mill-fatt li aktar minn nofs il-bastimenti kollha li tneħħew mir-reġistru tal-flotta tal-UE ma rċevew l-ebda finanzjament pubbliku. 
  • L-analiżi eżaminat wkoll l-effikaċja tad-diversi metodi għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika fis-settur tas-sajd. Minn barra s-sussidji tal-fjuwil, il-proġetti tal-FES inkludew appoġġ tibdil ta’ tagħmir tas-sajd u d-disinn ta' bastimenti u tagħmir li jnaqqas il-konsum tal-fjuwil. Filwaqt li sussidji oħra għenu biex jingħelbu l-prezzijiet għolja tal-fjuwil, is-sajjieda wkoll sabu metodi oħra biex jikkunsmaw anqas fjuwil, b'mod partikolari permezz ta' anqas veloċità u razzjonalizzazzjoni tal-movimenti tagħhom. Is-suċċess ta' tali metodi huwa evidenti: il-prezzijiet tal-fjuwil tal-baħar żdiedu b'37.5 % fl-2010 meta mqabbla mal-2009, waqt li l-kont tal-enerġija tal-flotta tas-sajd tal-UE żdied bi 11 % biss fl-istess perjodu.
  • Riżultati bikrija juru li l-proġetti li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd (assi 4) bdew iħallu l-frott. Fl-2011, intgħażlu 1 000 proġett ieħor fiż-żoni tas-sajd, li jiffukaw fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji lokali u l-valur miżjud tal-prodotti tal-ħut. Dan in-numru kiber aktar fl-2012 bis-saħħa taż-żieda fin-numru tal-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs) li jappoġġaw lill-benefiċjarji lokali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti.

Dawn is-sejbiet isostnu ħafna mill-proposti mressqa mill-Kummissjoni fil-proposta leġislattiva tagħha dwar il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS). Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u l-miri ta’ sostenibbiltà tal-PKS, l-għan tal-FEMS huwa li jitgħallem mill-passat u jidderieġi s-sussidji pubbliċi lejn fejn ikunu l-aktar effiċjenti u effikaċi.

Aktar informazzjoni: