Mogħdija tan-navigazzjoni

Press releases and News :: L-Irlanda tippreżenta l-prijoritajiet tagħha għall-Presidenza tal-Kunsill

L-Irlanda tippreżenta l-prijoritajiet tagħha għall-Presidenza tal-Kunsill

(28/01/2013) Fl-1 ta’ Jannar 2013, il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għaddiet minn Ċipru għall-Irlanda. Fost inkarigi oħra, il-gvern Irlandiż bħalissa qiegħed jikkoordina x-xogħol tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd u se jistabbilixxi aġenda dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

L-Irlanda dieħla fix-xena f’mument kruċjali tal-proċess ta’ riforma tal-PKS. It-tliet proposti għal regolament li flimkien jagħmlu r-riforma dalwaqt se jidħlu fil-fażi fejn il-Kunsill u l-Parlament, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, se jippruvaw jilħqu ftehim. Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament għamlu emendi skont il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom u dalwaqt se jkollhom pożizzjoni ċara dwar il-proposti kollha. Għalhekk ir-rappreżentanti tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament, tal-Presidenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea se jibdew diskussjonijiet bejn tliet partijiet (imsejħa ‘trilogi’) bl-għan li jintlaħaq kompromess.

Fil-bidu tas-sena, l-Irlanda ppreżentat il-prijoritajiet politiċi u l-aġenda ta’ ħidma tagħha. L-għan prinċipali tagħha huwa li tilħaq ftehim politiku fil-Kunsill dwar kull punt tar-riforma sal-aħħar tal-presidenza f’Ġunju. Il-passi li ġejjin se jittieħdu dwar kwistjonijiet ewlenin:

  • Regolament tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS): l-adozzjoni tal-mandat ta’ nnegozjar tal-Kunsill huwa mistenni f’Jannar, il-bidu tat-trilogi f’Marzu; u l-ikkompletar tan-negozjati u l-ftehim politiku mill-Kunsill f’April.
  • Regolament Bażiku tal-PKS: l-adozzjoni tal-pożizzjoni finali tal-Kunsill (approċċ ġenerali) u l-mandat ta’ nnegozjar huma ppjanati għal Frar; il-bidu tat-trilogi f’Marzu; u l-ikkompletar tan-negozjati u l-ftehim politiku mill-Kunsill f’Ġunju.
  • Regolament tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS): l-adozzjoni tal-pożizzjoni finali tal-Kunsill (approċċ ġenerali) huwa skedat għal April; l-iżvilupp tal-mandat ta’ nnegozjar tal-Kunsill u l-bidu tat-trilogi f’Mejju (dejjem jekk il-Parlament ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu), bl-għan li jitlestew in-negozjati u l-ftehim politiku bejn il-Parliament u l-Kunsill fil-Kunsill ta’ Ġunju.

Għal aktar informazzjoni dwar l-objettivi u l-elementi prinċipali tar-riformi u biex tifhem aħjar l-isfidi li qed tiffaċċja l-Presidenza l-ġdida, jekk jogħġbok irreferi għall-pakkett ta’ stampa tagħna, disponibbli hawnhekk http://ec.europa.eu/fisheries/reform/press/index_en.htm