Mogħdija tan-navigazzjoni

News :: Il-Kumitat għas-Sajd tal-PE jappoġġja r-Riforma tal-PKS

Il-Kumitat għas-Sajd tal-PE jappoġġja r-Riforma tal-PKS

(19/12/2012) Il-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew ivvota nhar it-18 ta' Diċembru 2012 biex jappoġġja l-elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni għal Politika Komuni tas-Sajd ġdida. Emendi li jsostnu obbligi legali sabiex jintemm ir-rimi u għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut 'il fuq mil-livelli sostenibbli, kif ukoll emendi li jsejħu għal teħid ta’ deċiżjonijiet skont ir-reġjuni ġew adottati b’maġġoranzi wisgħin.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Maria Damanaki qalet: “Il-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew ivvota għal riforma ambizzjuża tal-PKS billi appoġġja l-approċċ imressaq mill-Kummissjoni. Jiena napprezza b’mod partikolari l-appoġġ tal-Kumitat għal politika li hija bbażata fuq l-esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd abbażi tar-Rendiment Massimu Sostenibbli mill-2015, u li tintroduċi projbizzjoni fuq ir-rimi b’dati ċari sabiex jintemmu l-prattiki ta’ ħela li ma nistgħux nibqgħu nipprattikaw. Dawn huma kisbiet kbar tar-Rapporteur Ms Rodust u tal-Kumitat għas-Sajd, u jien nixtieq nifirħilhom għal dan is-suċċess. Jien qed nistenna bil-ħerqa l-passi li jmiss tal-Parlament u tal-Kunsill fl-ewwel xhur tal-2013 bil-ħsieb li tkun żgurata adozzjoni rapida tar-riforma tal-PKS. "
 
Il-proposta għar-riforma tal-PKS għandha l-għan li toħloq il-kundizzjonijiet għall-flotot tal-UE sabiex dawn ikunu vijabbli ekonomikament u għall-promozzjoni tal-akkwakultura tal-UE, għall-benefiċċju tal-komunitajiet li jiddependu fuq dawn l-attivitajiet u għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Il-proposta tal-Kummissjoni għar-riforma tar-regoli bażiċi tal-Politika Komuni tas-Sajd hija bbażata fuq is-sostenibilità. Il-ġestjoni tas-sajd għandha tippermetti li l-istokkijiet kollha jerġgħu jinbnew għal livelli b’saħħithom li għandhom jimmassimizzaw il-qabdiet għas-sajjieda. Il-prattika ta’ ħela li jintremew ħut li faċilment jista’ jittiekel għandha titwaqqaf gradwalment b’obbligi u skadenzi ċari, li jippermettu li s-sajjieda jkollhom żmien adegwat sabiex jadattaw għal dan. Deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd għandhom jittieħdu bl-involviment tas-sajjieda u tal-partijiet interessati, u għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-baċiri tal-baħar.