Mogħdija tan-navigazzjoni

Press releases and News :: Akkwakultura: qed jiġu diskussi linji gwida strateġiċi

Akkwakultura: qed jiġu diskussi linji gwida strateġiċi

(19/12/2012) Fit-23 ta’ Novembru, il-Kummissjoni organizzat konferenza f'La Coruña (Galicia, Spanja) dwar l-akkwakultura Ewropea, flimkien mal-gvernijiet ta' Spanja u ta' Galicia. L-għan kien li jinġabru suġġerimenti minn Stati Membri, produtturi u partijiet interessati għal "Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE” tal-futur.

Bħala parti mir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-kooperazzjoni fuq numru ta’ ostakli identifikati li jipprevjenu l-iżvilupp sħiħ tal-akkwakultura tal-UE. Wara l-adozzjoni tal-linji gwida strateġiċi, l-Istati Membri huma mħeġġa li jippreparaw il-pjanijiet annwali pluriennali tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea, li ilu staġnat għal aktar minn għaxar snin.

Jidher li kien hemm erba’ oqsma ewlenin li kienu ta’ importanza speċjali u li jistgħu jirrappreżentaw objettivi prinċipali tal-Linji Gwida Strateġiċi:

  1. Is-simplifikazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi, b’mod partikolari għall-ħruġ ta’ liċenzji.
  2. L-iżgurar ta’ allokazzjoni ta’ ilma u spazju għall-akkwakultura tal-ilma ġieri u tal-baħar f’ippjanar tal-ispazju kkoordinat.
  3. Il-promozzjoni ta’ diversifikazzjoni tal-kummerċ sabiex jingħataw sorsi addizzjonali ta’ introjtu u tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura.
  4. L-użu tal-fatturi kompetittivi kollha, bħalma huma l-istandards għoljin ta’ produzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Kien hemm qbil wiesa' dwar l-isfida li jiġi eliminat in-nuqqas fis-sikurezza tal-ikel li dejjem qed jikber bejn il-livell ta’ konsum ta’ frott tal-baħar fl-UE u l-volum ta’ qabdiet mis-sajd, u r-rwol li l-akkwakultura tal-UE jista’ jkollha għat-tkabbir u għall-benefiċċju ta' komunitajiet kostali u rurali.