Mogħdija tan-navigazzjoni

News :: 2013: sena deċiżiva għar-riforma tal-politika tas-sajd

2013: sena deċiżiva għar-riforma tal-politika tas-sajd

Sarpa salpa school
© iStockphoto.com/vilainecrevette

(19/12/2012) In-negozjati dwar il-pakkett tar-riforma ser jerġgħu jieħdu spinta fil-bidu tal-2013 kemm bil-vot dwar il-proposta tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fil-plenarja tal-Parlament u wkoll bil-vot sussegwenti dwar il-proposta tal-FEMS.

It-trilogi bejn il-Parlament u l-Kunsill għandhom l-għan li jilħqu kompromess dwar il-pakkett kollu tar-riforma kmieni kemm jista’ jkun fl-2013. Dan jista’ jwassal biex il-pakkett jidħol fis-seħħ mhux aktar tard mill-2014. Aktar ma l-pakkett ta’ riforma jidħol fis-seħħ malajr, aktar ikun probabbli li jinżammu l-iskadenzi sabiex jintlaħqu l-miri ta’ sajd b’saħħtu permezz tar-rendiment massimu sostenibbli, u biex jiġi introdott l-obbligu tal-iżbark għas-sajd kollu madwar l-Unjoni.

Tliet proposti tal-Kummissjoni għal liġijiet ġodda għadhom qed jiġu nnegozjati: il-PKS il-ġdida, il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) u l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq.

Kemm il-Kunsill u kemm il-Parlament taw l-opinjonijiet tagħhom dwar il-pilastru tal-politika tas-sajd estern tar-riforma f’azzjonijiet separati (f’Marzu u Novembru 2012 rispettivament). B’mod ġenerali, iż-żewġ istituzzjonijiet appoġġjaw l-approċċ il-ġdid propost mill-Kummissjoni, u l-approċċ ta’ politika ġdid diġà qed ikun implimentat mill-Kummissjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ msieħba internazzjonali.

L-Irlanda, li ser ikollha l-Presidenza tal-Kunsill fl-ewwel nofs tal-2013, poġġiet ir-riforma tal-PKS bħala prijorità fil-ħidma tagħha fis-settur tas-sajd. Issa li l-Kumitat PECH ivvota dwar il-pożizzjoni tal-abbozz tal-ewwel qari dwar il-proposta tal-PKS, l-istadju li jmiss huwa l-vot tal-Plenarja dwar din il-pożizzjoni fi Frar. Wara dan, jistgħu jibdew in-negozjati bejn l-istituzzjonijiet. L-għan prinċipali tal-Presidenza Irlandiża (f’isem il-Kunsill) u d-delegazzjoni tal-Kumitat PECH (f’isem il-Parlament) ser ikun il-konklużjoni ta’ ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, abbażi tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom.  Il-Kunsill diġà ddefinixxa l-pożizzjoni inizjali tiegħu dwar il-proposta tal-PKS f'Ġunju 2012. Il-kooperazzjoni biex jintlaħaq ftehim bħal dan isseħħ permezz ta' laqgħat bejn it-tliet istituzzjonijiet. Dawn l-hekk imsejħa trilogi ġeneralment jitwettqu f’kuntest informali, fuq il-bażi tal-mandat ta’ kull istituzzjoni.

L-iskeda għall-Fond il-ġdid qiegħda kemmxejn lura meta mqabbla mal-proposta tal-PKS. Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni inizjali tiegħu matul il-Kunsill ta’ Ottubru u l-Kumitat PECH qiegħed jippjana li jivvota dwar l-abbozz ta’ rapport tar-Rapporteur Cadec u l-emendi f’Marzu, b’vot matul il-Plenarja tal-PE f’Mejju 2013. Dan huwa wkoll fajl urġenti minħabba li l-Fond il-ġdid għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014.

Il-proposta dwar is-swieq komuni għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura hija mill-aktar avvanzata. Kemm il-Kunsill u kemm il-Parlament indikaw fil-pożizzjonijiet tagħhom li huma jappoġġjaw l-ispinta tal-approċċ li ttieħed għall-organizzazzjoni futura tas-suq. Qed jiġu żviluppati kompromessi, bil-għan li jiġu ffinalizzati n-negozjati kmieni fl-2013.