Mogħdija tan-navigazzjoni

Press releases and News :: Il-Kunsill tas-Sajd jilħaq ftehim parzjali dwar l-FEMS

Il-Kunsill tas-Sajd jilħaq ftehim parzjali dwar l-FEMS

Ms. Maria DAMANAKI, Member of the European Commission.
© The Council of the European Union

(23/11/2012) Ir-Regolament futur dwar il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) reġa’ kien iċ-ċentru tad-diskussjonijiet ministerjali fil-Kunsill fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2012. Fil-laqgħa f’Lussemburgu, il-ministri tas-sajd tal-Istati Membri laħqu ftehim parzjali dwar kif se jintuża l-fond. Kien hemm dibattitu twil dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqfu s-sussidji fuq il-flotot. Fl-aħħar, l-Istati Membri qablu li gradwalment ineħħu l-għajnuna għall-iskreppjar, b’perjodu ta’ tranżizzjoni li jdum sal-2017. Qablu wkoll li jżommu l-għajnuna għal ċessjoni temporanja u l-għajnuna għal tibdil tal-magna, għalkemm taħt kundizzjonijiet stretti limitati.

Il-kundizzjonijiet għal dawn it-tliet sussidji huma konsiderevolment aktar strinġenti fl-FEMS milli fl-FES. Dawn is-sussidji se jiġu mill-baġit tal-FEMS allokat biex (a) ikunu promossi s-sostenibbiltà u l-effiċjenza tar-riżorsi u (b) biex jitrawwmu sajd, akkwakultura u pproċessar relatat innovattivi, kompetittivi, u bbażati fuq l-għarfien. It-total allokat għal kull Stat Membru se jiġi llimitat għal massimu ta’ EUR 6 miljuni jew 15%, skont liema minnhom huwa l-ogħla.

Il-Kummissjoni testima li l-ammont massimu possibbli għal dawn is-sussidji se jkun anqas minn nofs ta’ dak li qed jintuża attwalment għal dawn il-miżuri fl-FES.  ‘Ovvjament, il-proposta tagħhna hija aktar ambizzjuża’; ikkummentat Maria Damanaki, Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, ‘hija twaqqaf kompletament is-sussidji ineffettivi tal-passat, li kkontribwixxew għas-sajd żejjed u għat-tnaqqis ekonomiku fis-settur tas-sajd’.

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-kompromess tal-Kunsill mill-anqas jippreserva ħafna mill-baġit tal-FEMS għar-riforma proposta tal-Politika Komuni dwar is-Sajd. Din ir-riforma tinvolvi għajnuna lis-settur tas-sajd biex isir aktar sostenibbli, prosperuż u innovattiv filwaqt li tissaħħaħ ukoll l-akkwakultura. Il-Kunsill appoġġja l-preferenza tal-Kummissjoni għal FEMS li jenfasizza l-bżonn għal miżuri bħal titjib fil-parir u l-kontroll xjentifiku, żieda fis-selettività, appoġġ lis-sajd kostali fuq skala żgħira, innovazzjoni fit-tekniki u l-metodi tas-sajd, u appoġġ lill-iżvilupp sostenibbli taż-żoni li jiddependu fuq is-sajd.

Sakemm ikun hemm aktar informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tenniet li l-proposta inizjali tagħha kienet għada għad-diskussjoni, bl-għan li jintlaħaq ftehim ta’ kompromess bejn it-tliet istituzzjonijiet.