Mogħdija tan-navigazzjoni

News :: Parlament Ewropew - Riżoluzzjoni dwar is-sajd fuq skala żgħira

Parlament Ewropew - Riżoluzzjoni dwar is-sajd fuq skala żgħira

(23/11/2012) Il-Parlament Ewropew ressaq is-sajd fuq skala żgħira u s-sajd kostali ’l quddiem f’diskussjonijiet riċenti dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

Fit-22 ta’ Novembru, MEPs appoġġjaw inizjattiva dwar is-sajd fuq skala żgħira u s-sajd kostali li tressqet mill-MEP João Ferreira (GUE-NGL), membru Portugiż tal-Kumitat PECH. Skont din ir-riżoluzzjoni, is-sajd fuq skala żgħira qiegħed f’sitwazzjoni kritika minħabba li l-kriżi tar-riżorsi għandha impatt akbar fuq dawn in-negozji ta’ daqs żgħir, li bħalissa jirrappreżentaw madwar tliet kwarti tal-flotta tas-sajd tal-UE (65 000 dgħajsa).

Studju riċenti tal-Parlament Ewropew wera li l-flotot ta’ skala żgħira joħolqu madwar 55% tal-impjiegi kollha abbord il-bastimenti tas-sajd, filwaqt li jipproduċu biss 27% tal-valur totali tal-ħatt l-art tal-ħut. L-impjiegi naqsu b’10 sa 30% bejn l-2000 u l-2010. Il-Parlament jitlob politika tas-sajd li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-flotot ta’ skala żgħira. Dan jinkludi ħolqien ta’ impjiegi relattivament għoli, u fil-biċċa l-kbira sajd b’irkaptu passiv. Il-ftit ħaddiema nisa fis-sajd huma ġeneralment impjegati fis-segment ta’ skala żgħira. Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament jitlob li jsiru miżuri speċifiċi għal aċċess preferenzjali għar-riżorsi tal-ħut, l-immaniġġjar tal-flotot, l-għajnuna pubblika, u l-miżuri fis-suq.

Fil-proposti tagħha għar-riforma tal-PKS, il-Kummissjoni tikkonferma l-importanza tas-sajd fuq skala żgħira fl-Ewropa. Dan aktarx li jibbenefika l-aktar minn politika riformata tas-sajd ibbażata fuq obbligu ċar u marbut b’limiti ta’ żmien li jiġu mmaniġġjati l-istokkijiet fil-livelli MSY u jiġi eliminat il-ħut skartat. Il-pakkett ta’ riforma fih żieda fin-numru ta’ miżuri li huma speċifikament utli għas-sajd fuq skala żgħira, b’mod partikolari, l-aċċess għall-fondi taħt il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS). Il-bastimenti ta’ skala żgħira jistgħu jistennew ukoll intensità ogħla ta’ għajnuna (75% flok 50%) taħt l-FEMS. Fil-każ tal-allokazzjoni finanzjarja ta’ fondi għall-Istati Membri, is-sehem tal-flotot ta’ skala żgħira fil-flotta nazzjonali aktar wiesa’ huwa parametru importanti għal żieda fl-allokazzjoni finanzjarja. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew se ssaħħaħ aktar il-profil tas-sajd fuq skala żgħira waqt id-dibattiti li jmiss dwar ir-riforma tal-PKS.