Mogħdija tan-navigazzjoni

News :: Ftehim storiku dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

Ftehim storiku dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

(30/05/2013) Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-ftehim storiku bejn il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

Il-ftehim isegwi serje ta’ taħdidiet bejn il-Presidenza Irlandiża, immexxija mill-Ministru għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Affarijiet Marittimi, Simon Coveney, u l-Parlament Ewropew permezz tar-rapporteur Ulrike Rodust, bil-Kummissjoni bħala medjatur matul id-diskussjonijiet. L-aħħar kwistjonijiet li kien baqa’ x’jiġu solvuti kienu marbuta mal-erba’ kwistjonijiet ewlenin tal-għan tar-Rendiment Massimu Sostenibbli, il-projbizzjoni fuq ir-rimi, ir-reġjonalizzazzjoni u l-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta.

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi faħħret il-bidliet fuq firxa wiesgħa kif ukoll l-approċċ li ttieħed biex jintlaħaq ftehim: “Dan huwa pass storiku għal dawk kollha involuti fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura. Aħna se nbiddlu l-mod kif nistadu b’mod radikali fil-futur. Ninsab grata ħafna għas-Sinjura Rodust kif ukoll għall-Ministru Coveney għall-impenn u l-isforzi ma jaqtgħux tagħhom għal dan il-ftehim. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Parlament Ewropew għall-approċċ miftuħ u bbilanċjat tagħhom matul il-proċess kollu tan-negozjar.”

L-għan globali tal-politika riformata huwa li jintemm is-sajd żejjed u li s-sajd isir ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli. Ir-riformi għandhom l-għan li jappoġġaw tkabbir sostenibbli tas-settur, joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol fiż-żoni kostali u fl-aħħar mill-aħħar jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE bi provvista b’saħħitha u sostenibbli ta’ ħut.

L-elementi ewlenin għal din il-politika l-ġdida jinkludu:

  • Il-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut biex jaqbżu livelli sostenibbli bil-projbizzjoni fuq ir-rimi - il-prattika li l-ħut mhux mixtieq jintrema lura fil-baħar - , ġestjoni aħjar tal-kapaċità tal-flotta tas-sajd kif ukoll l-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd ibbażati fuq parir xjentifiku.
  • Ir-Responsabbiltà Internazzjonali – L-UE se tadotta l-istess prinċipji ta’ sostenibbiltà u konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u tal-bijodiversità marina b’mod internazzjonali. L-UE se taħdem mas-sħab barranin tagħha biex tiġġieled kontra s-sajd illegali u tnaqqas il-kapaċità żejda.
  • L-appoġġ għall-industriji tas-sajd fuq skala żgħira. Il-PKS riformata testendi għall-2022 id-dritt tal-Istati Membri li jirrestrinġu s-sajd f’żona sa 12-il mil nawtiku mil-linja tal-kosta.
  • Il-Governanza Deċentralizzata – Ir-riformi jagħmlu enfasi ikbar fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet deċentralizzat u l-UE se taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u l-partijiet interessati biex tiżgura approċċ ta’ governanza b’saħħtu.

Il-passi li jmiss

Bil-politika l-ġdida issa miftiehma fil-livell politiku, il-finalizzazzjoni u l-adozzjoni formali se jsegwu fix-xhur li ġejjin. Dan se jinvolvi l-validazzjoni mill-Kunsill segwit minn tieni qari fil-Parlament Ewropew.

Ladarba jintemm dan il-proċess, il-politika l-ġdida se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 b’implimentazzjoni progressiva tar-regoli l-ġodda.