Mogħdija tan-navigazzjoni

Press releases and News :: Il-Kummissarju Damanaki tniedi osservatorju tas-suq ġdid għas-sajd u l-akkwakultura matul is-Seafood Expo

Il-Kummissarju Damanaki tniedi osservatorju tas-suq ġdid għas-sajd u l-akkwakultura matul is-Seafood Expo

(24/04/2013) Illum, Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd żaret is-Seafood Exhibition annwali fi Brussell, fejn nediet l-Osservatorju tas-Suq tal-UE għall-prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA) onlajn ġdid.

L-Osservatorju huwa għodda interattiva disponibbli fuq l-Internet fl-UE kollha, li toffri dejta aġġornata dwar il-volum, il-valur u l-prezz tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fil-katina tal-provvista, minn meta dawn jinħattu fil-port sakemm dawn jiġu eżibiti fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-ikel. Informazzjoni disponibbli fil-ħin dwar prezzijiet u tendenzi tas-suq tippermetti li l-produtturi jilħqu d-domanda aħjar, u b’hekk iżidu l-valur tas-suq għall-prodotti tagħhom.
 
Jekk trid tkun taf it-tendenzi tas-suq u l-fatturi ekonomiċi għal prodotti tal-frott tal-baħar selvaġġi jew imrobbija, l-Osservatorju tas-Suq huwa l-għodda li għandek tuża”, qalet il-Kummissarju Damanaki. Hija kompliet tgħid: “dak li jgħodd illum huwa l-valur, mhux il-volum, tal-produzzjoni. B’din l-għodda moderna, aħna ser nagħtu s-setgħa lil atturi ekonomiċi billi nipprovdu informazzjoni eżatta u fil-ħin dwar is-suq”.
 
L-Osservatorju huwa aġġornat kuljum b’informazzjoni dwar il-produzzjoni kemm fil-livell lokali kif ukoll fil-livell tal-UE, u jinkludi dejta dwar il-prodotti importati u dawk esportati, kif ukoll dwar it-tendenzi tal-konsum. Dan jgħaqqad f’post wieħed informazzjoni li qabel kienet mifruxa fuq diversi sorsi, formati u lingwi. Din hija għodda multilingwi, faċli biex tintuża u mingħajr ħlas
 
Pereżempju, bi tliet klikks tista’ ssib il-prezzijiet għall-merluzz fil-bidu ta' April għal 14-il suq f'seba' pajjiżi Ewropej. Bl-istess faċilità, wieħed jista’ jfittex il-prezzijiet għall-bejgħ bl-ingrossa ta' trota fit-tmiem ta' Marzu fi Franza, fl-Italja u fi Spanja, jew il-prezzijiet għall-bejgħ bl-imnut f'erba' pajjiżi magħżula. Il-fornituri ewlenin fl-UE ta’ gambli tropikali tal-aħħar ħames snin issibhom biss b’erba’ klikks. L-istess għall-esportaturi ewlenin tal-UE għal Spanja għal speċijiet pelaġiċi żgħar skont il-volum u l-prezz. Jekk trid tkun taf aktar dwar dak li naqbdu, inrabbu, nimpurtaw jew nieklu f’żona speċifika, inti tista’ ssib dawn iċ-ċifri prinċipali kollha permezz ta’ tiftixa sempliċi. Imbagħad inti tista’ żżomm il-parametri ta’ kwalunkwe tiftixa li tagħmel sabiex tikseb riżultati personalizzati u aġġornati kull ġimgħa, kull xahar, jew kull meta terġa’ żżur il-websajt.
 
L-Osservatorju ġie żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiffaċilita l-ippjanar strutturali u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal operaturi ekonomiċi, NGOs u dawk li jfasslu l-politika. Kull utent jista’ jikseb riżultati personalizzati skont l-interessi jew il-preferenzi speċifiċi tiegħu.Huwa mistenni li jappoġġja t-trasparenza u l-istabilità tas-suq, u jippermetti lill-produtturi jidentifikaw opportunitajiet ġodda fis-suq filwaqt li jottimizzaw il-valur tal-produzzjoni. U dan, min-naħa tiegħu, għandu jgħin sabiex nitbiegħdu mill-istrateġiji tal-produzzjoni li huma bbażati biss fuq il-volum, u għalhekk jikkontribwixxi għal sostenibilità soċjali, ekonomika u ambjentali.
 
L-EUMOFA huwa mmexxi u amministrat mill-Kummissjoni Ewropea. Id-dejta tiġi pprovduta l-aktar minn awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri u istituzzjonijiet Ewropej.

Aktar informazzjoni

EUMOFA