Mogħdija tan-navigazzjoni

Press releases and News :: Il-Kummissarju Maria Damanaki tilqa’ l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-projbizzjoni ta’ rimi fi Skaggerak

Il-Kummissarju Maria Damanaki tilqa’ l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-projbizzjoni ta’ rimi fi Skaggerak

(19/04/2013) Nhar it-Tlieta, il-Parlament Ewropew ivvota sabiex tiġi adottata projbizzjoni fuq ir-rimi ta' ħut żejjed ta' 35 speċi maqbuda fi Skagerrak (l-istrett li jgħaddi bejn in-Norveġja, l-Isvezja u d-Danimarka).

Taħt il-projbizzjoni tar-rimi, il-bastimenti tas-sajd ser ikunu obbligati li jħottu l-art il-ħut kollu maqbud, sabiex jitwaqqaf “ir-rimi” – il-prattika li l-ħut jerġa’ jintefa lura fl-ilma, l-aktar minħabba li dan ikun ta’ speċi jew daqs mhux mixtieqa.

Il-Kummissarju Damanaki laqgħet il-vot tal-Parlament Ewropew: “It-twaqqif tal-prattika ħalja ta’ rimi ta’ ħut li jista’ jittiekel huwa wieħed mill-elementi ewlenin tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE. L-appoġġ li l-Parlament Ewropew qed jagħti lill-proposta li l-Kummissjoni ppreżentat is-sajf li għadda għal projbizzjoni fuq ir-rimi fi Skaggerak huwa importanti għaliex jgħinna sabiex nikkonvinċu lil dawk li għadhom jiddubitaw mill-fattibilità ta’ projbizzjoni fuq ir-rimi fi żmien limitu preċiż.”

Skont il-proposta, l-UE u n-Norveġja ser jarmonizzaw il-miżuri tekniċi u ta' kontroll tas-sajd sabiex jiżguraw sostenibilità fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut. Din għandha tinkludi obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha ta’ ċerti speċijiet tal-ħut – sabiex titwaqqaf il-prattika tar-rimi. Il-miżuri l-ġodda ser japplikaw għall-Istati Membri kollha tal-UE li għandhom dritt li jistadu fi Skagerrak: l-Isvezja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Kummissjoni temmen li l-Istati Membri għandhom jingħataw il-flessibilità dwar kif huma jissorveljaw il-konformità mal-projbizzjoni fuq ir-rimi.

Issa, in-negozjaturi tal-Parlament Ewropew ser jiddiskutu l-proposta mal-Istati Membri sabiex jintlaħaq qbil. Ladarba tiġi adottata, il-projbizzjoni għandha tidħol fis-seħħ gradwalment bejn l-2014 u l-2016.