Tabakk

Politika

"Li nieqaf mit-tipjip kienet l-eħfef ħaġa li qatt għamilt, għandi għaliex nafha din għax għamiltha elf darba", Mark Twain.

Il-konsum tat-tabakk hu l-uniku l-akbar riskju għas-saħħa fl-Unjoni Ewropea li jista' jiġi evitat. Hu l-kawża l-aktar sinifikanti ta' mewt primatura fl-UE, responsabbli għal kważi 700,000 mewta fis-sena. Madwar 50% ta' dawk li jpejpu jmutu qabel iż-żmien (b'medja ta' 14-il sena aktar kmieni).

Barra minn hekk, dawk li jpejpu jkollhom aktar snin mhux f'saħħithom. Ħafna forom ta' kanċers, mard kardjuvaskulari u respiratorju huma relatati mal-użu tat-tabakk, li jikkawża aktar problemi mill-alkoħol, id-drogi, il-pressjoni għolja, il-piż żejjed jew il-kolesterol.

Minkejja l-progress konsiderevoli li sar dawn l-aħħar snin, l-għadd ta' dawk li jpejpu fl-UE għadu għoli – 26% tal-popolazzjoni inġenerali u 25% taż-żgħażagħ Ewropej bejn il-15 u l-24 sena.

Prijoritajiet politiċi

Biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ħadu diversi miżuri dwar il-kontroll tat-tabakk f'sura ta' leġiżlazzjoni, rakkomandazzjonijiet u kampanji ta' informazjoni.

Dawn il-miżuri ta' politika jinkludu:

Minn perspettiva ta' saħħa pubblika, il-miżuri għandhom l-għan li jipproteġu liċ-ċittadini mill-effetti perikolużi tat-tipjip u minn forom oħrajn ta' konsum ta' tabakk, inkluż it-tipjip passiv. B’mod kruċjali, għandhom l-għan li jgħinu lil dawk li jpejpu biex jieqfu jew li ma jibdew ipejpu xejn. Qed tingħata attenzjoni partikulari għat-tipjip fost iż-żgħażagħ, billi t-tabakk hu prodott vizzjuż u 94% ta' dawk li jpejpu jibdew ipejpu qabel ma jilħqu l-età ta' 25 sena.

Prodotti tat-tabakk

Jekk inqisu l-kummerċ sinifikanti bejn il-fruntieri ta' prodotti tat-tabakk u l-leġiżlazzjoni diverġenti nazzjonali, ir-regoli tal-UE huma neċessarji għal dawn il-prodotti. Ir-regoli jiżguraw li l-konsumaturi kollha jkunu protetti b’mod ugwali fl-UE. Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk  il-ġdida li tirregola l-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u ta' prodotti relatati ġiet iffirmata fit-3 ta' April 2014.

Internazzjonali

L-UE qiegħda taħdem ukoll ma msieħba internazzjonali  biex tnaqqas il-konsum tat-tabakk fuq skala dinjija. L-Istati Membri tal-UE, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, huma msieħba attivi fil-Konvenzjoni tal-Qafas ta' Ħidma tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), trattat internazzjonali li jorbot legalment li għandu l-għan li jnaqqas l-impatti ta' ħsara fuq is-saħħa u l-ekonomija kkawżati mill-konsum tat-tabakk.