Tabakk

Kampanji tal-UE kontra t-tabakk

26% tal-Ewropej ipejpu, u t-tipjip jibqa' l-akbar kawża ta' mewt jew mard li jista' jkun evitat fl-UE. 59% ta’ dawk li jpejpu ppruvaw jieqfu jpejpu, 20% b’suċċess.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha storja ta’ ħidma fil-qasam ta’ prevenzjoni u waqfien mit-tipjip, minbarra kontroll tat-tabakk b’mod usa’.

F’dawn l-aħħar snin għadd ta’ inizjattivi ġew żviluppati li jindirizzaw il-piż tal-konsum tat-tabakk madwar l-Ewropa. In-nefqa totali tat-tipjip għas-soċjetà tal-UE kienet stmata għal €544 biljun fl-2009 , għalhekk kull persuna li tieqaf tpejjep tnaqqas il-piż finanzjarju tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-ekonomiji tal-UE.

Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommhom xejn (2014-2016)

L-aħħar edizzjoni ta' "Dawk li Qatgħu t-Tipjip ma Jżommhom Xejn"  kienet aktar determinata minn qatt qabel biex tgħin persuni bl-età bejn il-25 u l-34 sena biex jabbandunaw it-tabakk billi ġġegħelhom jifhmu l-ħafna benefiċċji ta' stil ta' ħajja bla tipjip u tipprovdilhom il-mezz li jirnexxilhom. Saħħa u benessri aħjar, aktar dħul ta' flus disponibbli u, fl-aħħar mill-aħħar, kwalità ta’ ħajja aħjar tistenna lil dawk li jiddeċiedu li jieqfu jpejpu.

Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommhom xejn (2011-2013)

Din l-edizzjoni ta' "Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommhom xejn"  tinkuraġġixxi liċ-ċittadini sabiex jieqfu jpejpu u tgħinhom jagħmlu dan. Hi qajmet għarfien dwar il-perikli tat-tabakk u kkontribwixxiet għal objettiv fuq medda twila ta’ żmien tal-Kummissjoni tal-UE għal Ewropa bla tipjip.

HELP - Għal ħajja mingħajr tabakk (2005-2010)

Il-kampanja preċedenti, "HELP - Għal ħajja mingħajr tabakk ", li saret bejn l-2005 u l-2010, iffukat fuq il-prevenzjoni mit-tipjip, il-waqfien mit-tipjip, u t-tipjip passiv, b'żgħażagħ Ewropej ta' bejn il-15 u l-25 sena fil-mira.