Verifika tat-teknoloġija tas-saħħa

Politika

Il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) hi mod ta’ valutazzjoni dwar kif jintużaw il-modi xjentifiċi u teknoloġiċi fil-kura tas-saħħa u fil-prevenzjoni tal-mard. Hi tkopri l-kwistjonijiet mediċi, soċjali, ekonomiċi, u etiċi.

Hi tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b’informazzjoni oġġettiva, biex b’hekk ikunu jistgħu jifformulaw politiki tas-saħħa li huma sikuri, effettivi, iffukati fuq il-pazjenti u kosteffettivi.

L-HTA jeħtiġilha tkun trasparenti, bla preġudizzju, robusta u sistematika - ankrata b’mod sod fir-riċerka u fil-metodu xjentifiku.

Kemm il-metodi tad-dijanjosi u tat-trattament, it-tagħmir mediku, il-farmaċewtiċi, il-metodi tar-riabbilitazzjoni u tal-prevenzjoni, kif wkoll is-sistemi organizzazzjonali u ta’ appoġġ użati biex titwassal kura tas-saħħa huma eżempji ta’ Teknoloġiji tas-Saħħa.

Il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa

L-HTA hi parti importanti tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar is-saħħa abbażi tal-evidenza fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE. Biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi, il-Kummissjoni:

  • waqqfet netwerk tal-HTA permanenti u volontarju fl-Ewropa. In-netwerk jimmira sabiex:
    • jiffaċilita l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-HTA fl-Ewropa
    • joħloq sistema sostenibbli ta' skambju ta' għarfien dwar l-HTA
    • jippromwovi prattika tajba għall-metodi u l-proċessi tal-HTA
  • jappoġġja l-"Azzjoni Konġunta 3" tal-EUnetHTA dwar l-HTA, b’finanzjament mill-programm tas-saħħa tal-UE: EUnetHTA – Netwerk Ewropew dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa