Mard trażmess sesswalment

HIV/AIDS

Fl-2012, ġew rapportati aktar minn 131,000 infezzjoni ġdida tal-HIV fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali, u total ta' 29,000 każ ġdid fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Teżisti kura effettiva għall-infezzjonijiet mill-virus uman tal-immunodefiċjenza (HIV) iżda għad m'hemmx fejqan u lanqas ma jeżisti vaċċin ta' prevenzjoni. Għaldaqstant, il-politika tal-UE tiffoka fuq il-prevenzjoni u l-appoġġ għall-persuni li qed jgħixu bl-HIV/AIDS.

L-UE tgħin billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati madwar l-Ewropa.

Politika dwar l-HIV/AIDS

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fi ħdan l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha tal-2009 tidentifika politiki biex tgħin ħalli jonqos l-għadd ta' infezzjonijiet ġodda u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni li qed jgħixu bl-HIV/AIDS.

Il-Komunikazzjoni ġiet tradotta bir-Russu mill-AIDS Action Europe u hi disponibbli fuq il-websajt tagħhom.

Il-politiki tal-UE jagħtu appoġġ politiku lill-awtoritajiet u l-partijiet interessati fil-pajjiżi tal-UE u dawk ġirien sabiex:

  • itejbu l-aċċess għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ
  • jilħqu immigranti minn pajjiżi bi prevalenza qawwija ta' HIV
  • itejbu politiki mmirati lejn il-popolazzjonijiet bl-ikbar riskju.

Pjan ta' Azzjoni 2014-2016  li jestendi l-pjan ta' azzjoni 2009-2013  jispjega kif l-UE, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-partijiet interessati se jwettqu dan.

Programm tas-saħħa

L-implimentazzjoni tal-politika dwar l-HIV/AIDS hi ffinanzjata mill-programm tas-saħħa tal-UE . L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel (Chafea) tipprovdi lista komprensiva tal-proġetti dwar l-HIV/AIDS iffinanzjati mill-2003 'l hawn .

Sorveljanza

Ir-rapport dwar is-sorveljanza tal-HIV/AIDS 2012 fl-Ewropa  hu r-riżultat tal-monitoraġġ miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u d-WHO Ewrope. L-ECDC u l-Kummissjoni jikkoperaw ukoll dwar proġetti ta' monitoraġġ speċifku, pereżempju dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' Dublin dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-UE u l-Asja Ċentrali.

Kooperazzjoni

Il-Kummissjoni waqqfet żewġ entitajiet biex jgħinuha fl-implimentazzjoni tal-politika u biex isaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-pajiżi, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali:

  • L-HIV/AIDS Think Tank  hu forum b'rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi ġirien biex isir skambju ta' informazzjoni u tissaħħaħ il-kooperazzjoni.
  • Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar l-HIV/AIDS  hu grupp ta' netwerks Ewropej u NGOs ewlenin, li jagħtu parir lit-Think Tank dwar il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika.

Iż-żewġ gruppi jiltaqgħu darbetjn fis-sena.