Netwerk Ewropew għall-Qasam Ġenetiku Fis-Saħħa Pubblika (NE-ĠSP)
Din in-netwerk għandha l-għan li tidentifika oqsma, kwistjonijiet, impatti u ħtiġijiet għall-politiki Ewropej tas-saħħa pubblika ikkawżati minn jew li marbuta mas-ĠSP.
Għalkemm l-ittestjar għas-suxxettibilità ereditarja abbażi ta' alleli għadha kmieni wisq għall-biċċa l-kbira tal-mard, is-sitwazzjoni tista' tkun ferm differenti sentejn jew tlieta oħra.
Hemm bżonn ta' linji gwida xierqa biex jgħinu lit-tobba joffru pariri lill-pazjenti li qed jikkunsidraw dan it-tip ta' testjar ġenetiku. Dawn il-pariri jinkludu l-interpretazzjoni tar-riżultati meta jsiru aktar stabbli, kif ukoll meta għandha tittieħed azzjoni.
In-NE-ĠSP hija impenjata biex tiżviluppa linji gwida tal-UE dwar l-iżgurar ta' kwalità għall-provvista/użu ta' tagħrif u teknoloġiji tas-ĠSP.
Determinanti tas-saħħa ġenomika
Kważi kull marda għandha komponenti ġenetiċi kostituttivi u/jew miksuba. Nistgħu niksbu għarfien aktar fil-fond ta' bosta mard komuni billi nidentifikaw
-
id-disinn ġenomiku li jinforma s-suxxettibiltà tal-mard
-
il-mutazzjonijiet ġenomiċi somatiċi miksuba li jinformaw marda speċifika u jiffurmaw il-fenotip kliniku individwali tagħha, per eż. il-kanċer
Dan it-tagħrif jista' jintuża għad-djanjożi tal-mard u biex jiġu identifikati trattamenti ġodda jew mediċina mmirata aktar speċifikament.
Madankollu, minħabba ż-żmien meħud għall-evalwazzjoni responsabbli tal-evidenza tal-benefiċċji u l-possibbiltà ta' riskji fl-ittestjar ta' kwalunkwe disinn ġenomiku marbut ma' marda, hemm distakk ta' żmien bejn il-pubblikazzjoni ta' indiktauri tal-ġenomika (skoperti dan l-aħħar) għal mard li jaffettwa s-saħħa pubblika u l-implimentazzjoni possibbli tagħhom fil-prattika tas-saħħa pubblika.
L-ittestjar ġenomiku - implikazzjonijiet ta' privatezza
L-ittestjar ġenomiku jista' jipprovdi tagħrif dwar is-suxxettibbilità individwali u d-disinnji ġenomiċi protettivi kontra mard speċifiku. Fil-ġejjieni dan jista' jifforma l-bażi għal prevenzjoni personalizzata kif ukoll kura u trattament mediku personalizzat.
Id-disponibbiltà ta' dan it-tip ta' tagħrif iqajjem tħassib etiku, soċjali u legali - jekk jintuża barra l-isfera mħarsa mill-kunfidenzjalità medika, bħal per eż. fl-assikurazzjoni tal-ħajja u tas-saħħa.
L-implikazzjonijiet tal-iżviluppi fil-ġenomika moderna għall-mediċina professjonali u oqsma oħra ta' mediċina molekulari moderna, inkluża r-riċerka bijomediċinali u tas-saħħa, jkomplu jiġu sorveljati fuq livell tal-UE.