Programm tas-saħħa

Politika

Skont it-trattat li ħoloqha, l-UE għandha tiżgura li s-saħħa tal-bniedem tkun protetta fil-politiki kollha tagħha, u għandha taħdem mal-pajjiżi tal-UE biex ittejjeb is-saħħa pubblika, tipprevjeni l-mard tal-bniedem u telimina sorsi ta' periklu għas-saħħa fiżika u mentali.

L-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa "Flimkien għas-Saħħa" tappoġġja l-istrateġija Ewropa 2020. Ewropa 2020 għandha l-għan li tbiddel lill-UE f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva li tippromwovi t-tkabbir ekonomiku għal kulħadd – wieħed mill-prerekwiżiti hu li l-popolazzjoni tkun f'saħħitha.

It-tielet programm tas-saħħa (2014-2020)

Il-programm għandu 4 għanijiet ewlenin. Ifittex dawn l-għanijiet:

  1. Il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u t-trawwim ta' ambjenti li jappoġġjaw stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa billi jitqies il-prinċipju tas-"saħħa fil-politiki kollha",
  2. Il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni minn tehdid serju għas-saħħa ta' natura transkonfinali,
  3. Il-kontribuzzjoni għal sistemi tas-saħħa innovattivi, effiċjenti u sostenibbli,
  4. L-iffaċilitar tal-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

It-tielet programm tal-UE dwar is-saħħa hu l-istrument ewlieni li l-Kummissjoni Ewropea tuża biex timplimenta l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa . Hu implimentat permezz ta' pjanijiet ta' ħidma annwali, li jistabbilixxu l-oqsma ta' prijorità u l-kriterji għal azzjonijiet ta' finanzjament skont il-programm. Il-baġit totali tal-programm hu ta' € 449.4 miljun.

Il-programm dwar is-saħħa hu mmaniġġjat mill-Kummissjoni bl-assistenza tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (Chafea).

Il-programm tal-UE dwar is-saħħa (2008-2013)

Il-programm tal-UE dwar is-saħħa għall-2008-2013  iffinanzja proġetti u azzjonijiet mill-2008 sal-2013. L-għanijiet annwali nqasmu ma' dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020 : l-investiment fis-saħħa u l-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-soċjetà li qed tixjieħ .

Kull sena kienu jiġu stabbiliti kriterji għal azzjonijiet ta' finanzjament taħt il-programm fi pjan ta' ħidma, segwiti minn sejħiet għall-proposti, għotjiet operattivi, konferenzi u azzjonijiet konġunti.

Il-partijiet ikkonċernati setgħu jibagħtu applikazzjoni. Wara eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet, il-Kummissjoni għażlet il-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati. Id-deċiżjonijiet tal-għotijiet kienu sussegwentement ippubblikati fil-websajt tagħha.

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel (Chafea) assistiet lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programm.