Stat ta' preparazzjoni u respons

Stat ta' preparazzjoni ġenerika għal theddid għas-saħħa pubblika.

L-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-istat ta' preparazzjoni ġenerali għas-saħħa pubblika tiffoka fuq l-għoti ta' pariri lill-awtoritajiet nazzjonali u tiżgura li huma jinkludu d-dimensjoni tal-UE fil-pjanijiet ta' emerġenza tagħhom, billi l-liġi tal-UE f'ħafna oqsma tista' jkollha impatt fuqhom.

Strateġija fil-livell tal-UE:

  • tipprovdi sinsla għall-iżvilupp ta' pjanijiet nazzjonali biex jiġu indirizzati ġenerikament tipi differenti ta' theddid tas-saħħa – mistennija (pereżempju influwenza pandemika, aċċidenti u avvenimenti naturali), mhumiex mistennija, bħall-emerġenzi marbutin ma' atti maħsuba, aċċidenti u avvenimenti naturali, inklużi l-aġenti bijoloġiċi, kimiċi, fiżiċi jew radju-attivi (pereżempju epidemija tat-tip tas-SARS).
  • tgħin biex tkun żgurata l-interoperabilità tal-pjanijiet nazzjonali – permezz tal-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni, tal-analiżi u tal-istrumenti tal-komunikazzjoni

Ippjanar għal stat ta' preparazzjoni ġenerika

Il-pjan għal stat ta' preparazzjoni ġenerika (Nov. 2005) jindirizza t-theddid għas-saħħa pubblika u l-emerġenzi li jaffettwaw jew li għandhom it-tendenza li jaffettwaw is-saħħa pubblika f'aktar minn pajjiż wieħed tal-UE. Hu jipprovdi bażi li fuqha l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jibnu l-pjanijiet ġeneriċi tagħhom jew speċifiċi għal marda, billi jenfasizzaw l-elementi ewlenin  meħteġin li jkunu indirizzati.

Ara wkoll id-dokument ta' gwida teknika , li jinkludi rakkomandazzjonijiet u listi ta' verifika. Dan id-dokument kien aġġornat f'Diċembru 2009 u hu meqjus bħala dokument ħaj li jiġi aġġornat kif meħtieġ.

Taħriġ u eżerċizzji

L-istaff tal-Kummissjoni jingħatalhom taħriġ regolari biex ikunu ppreparati ħalli jaġixxu fl-eventwalità ta' kriżi.

Il-Kummissjoni torganizza wkoll eżerċizzji regolari biex tittestja l-pjanijiet tal-istat ta' preparazzjoni tal-UE u dawk nazzjonali, b'mod partikulari jekk l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali humiex kapaċi jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni u ma' xulxin biex jiskambjaw informazzjoni b'responsabbiltà interdipartimentali matul theddid għas-saħħa li jkun qed jiżviluppa b'mod mgħaġġel.

Mudelli

Mudelli matematiċi jintużaw biex jiġu analizzati l-firxa u l-kontroll ta' aġenti/sitwazzjonijiet perikolużi u jgħinu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jattwaw miżuri adegwati għal stat ta' preparazzjoni u għal prevenzjoni.

Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tal-UE japplika dawn ix-xorta ta' mudelli biex jivvaluta l-impatt fuq is-saħħa pubblika ta' epidemiji u ta' pandemiji ta' mard li jittieħed, tat-tixrid ta' aġenti kimiċi u radju-nukleari, u tal-effetti tat-tibdil fil-klima.

In-netwerk għall-komunikaturi fil-kumitati għas-sigurtà tas-saħħa

Il-kumitat għas-sigurtà tas-saħħa (HSC) għandu netwerk ta' komunikazzjoni li jiġbor flimkien komunikaturi speċjalisti mill-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali għall-ġestjoni tar-riskji biex jiskambjaw bejniethom l-esperjenza u l-aħjar prattika dwar ir-riskju għas-saħħa u il-kriżi ta' komunikazzjoni.