Il-Jum Dinji tal-AIDS, fl-1 ta' Diċembru ta' kull sena, hu jum ta' riflessjoni, mhux biss dwar x'inkiseb s'issa fil-ġlieda kontra l-pandemija dinjija, iżda wkoll dwar l-isfidi li għadhom ma ntgħelbux.
Fis-snin reċenti, ħafna pajjiżi Ewropej kisbu progress sostanzjali fil-prevenzjoni ta' infezzjonijiet tal-HIV relatati mad-droga. Minkejja dan, ċerti popolazzjonijiet fl-Ewropa għadhom affettwati bl-HIV b'mod disproporzjonat. L-injezzjoni tad-droga għadu fattur ewlieni ta' dgħjufija biex jittieħdu infezzjonijiet li jinxterdu bid-demm u mard infettuż ieħor, inklużi l-HIV, l-epatite B u C u t-tuberkolożi. L-estimi tal-għadd ta' persuni li jinjettaw id-droga jissuġġerixxu li għad hemm popolazzjonijiet sinifikanti f'riskju li jiġu infettati.
F'dan il-kuntest, l-EMCDDA u l-ECDC ngħaqdu flimkien biex jidentifikaw seba' interventi għat-tnaqqis u l-prevenzjoni ta' mard infettuż fost il-persuni li jinjettaw id-droga. Abbażi ta' opinjoni esperta, l-aqwa eżempji u l-provi l-iktar sodi disponibbli, l-aġenziji identifikaw, f'rapport ta' gwida, eżempji tajbin ta' saħħa pubblika għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet fost dan il-grupp vulnerabbli.
Ir-rapport juri li metodu prammatiku u preventiv għas-saħħa pubblika jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-firxa tal-infezzjonijiet. L-isfida se tkun li jiġi żgurat li dan il-ftehim jiġi tradott f'servizzi effettivi għal dawk li jinjettaw id-droga. Biex jintlaħaq dan, ir-rapport jenfasizza li l-Ewropa għandha bżonn ta' iktar kooperazzjoni fis-setturi kollha tas-saħħa biex tintrebaħ il-fiduċja ta' dan il-grupp u jingħataw is-servizzi tas-saħħa adegwati.
F'dawn l-aħħar snin, il-prevenzjoni tal-HIV/AIDS kienet prijorità fuq l-aġenda tal-UE – u għadha s'issa taħt il-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-UE, li għandha l-għan li tnaqqas l-inugwaljanzi fost il-gruppi vulnerabbli. Iżda b'iktar minn 2,000 mewt relatati mal-HIV kull sena fl-UE, għad hemm ħafna xi jsir fil-qasam tal-prevenzjoni.