Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Minn Martin Seychell, l-Aġent Direttur Ġenerali għal Konsumaturi u s-Saħħa, il-Kummissjoni Ewropea

Minn Martin Seychell, l-Aġent Direttur Ġenerali għal Konsumaturi u s-Saħħa, il-Kummissjoni Ewropea

Il-kanser - nisimgħu dwaru kważi kuljum fl-aħbarijiet, fix-xogħol jew f’diskussjonijiet mal-familja u l-ħbieb. Minħabba r-rati ta’ inċidenza prevalenti llum il-ġurnata fl-Unjoni Ewropea, wieħed minn kull tlitt irġiel u waħda minn kull erba' nisa jistgħu jiġu direttament affettwati bil-kanser fl-ewwel 75 sena ta’ ħajjithom. Il-kanser hu t-tieni l-akbar kawża ta’ mewt wara l-mard tal-qalb fl-Unjoni Ewropea. Kull sena, hu jikkawża l-mewt ta' aktar minn miljun u nofs ħajja u jibdel id-destin ta’ 2.5 miljun ċittadin ieħor iddijanjostikat bih. B'popolazzjoni li qed tixjiħ, l-imwiet bil-kanser huma mistennija li jiżdiedu aktar.

Bħala Aġent Direttur Ġenerali għall-Konsumaturi u s-Saħħa, l-għan tiegħi hu li nindirizza l-kanser kull fejn jinsab. Minn naħa, billi tissaħħaħ ir-riċerka u l-kooperazzjoni, aħna nistgħu niżguraw li jiġu żviluppati trattamenti effiċjenti biex jikkuraw il-pazjenti tal-kanser madwar l-UE. Min-naħa l-oħra, billi jżdied l-għarfien dwar il-prevenzjoni tal-kanser, il-mira ambizzjuża tagħna hi li l-każijiet ġodda tal-kanser jonqsu bi 15% sal-2020.

Il-kanser ilu fil-qalba tal-politiki tal-UE mill-1985 meta l-Kummissjoni u mbagħad 12-il Stat Membru nedew il-programm “L-Ewropa Kontra l-Kanser” u l-ewwel “Kodiċi Ewropea kontra l-Kanser”. Din il-Kodiċi bħalissa qed tkun aġġornata fid-dawl tal-aħħar sejbiet xjentifiċi. L-iskop tagħha hu li tgħin liċ-ċittadini kollha jadottaw stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u biex jattendu għal skrinings bikrin meta dawn jilħqu ċerta età.

Ilkoll kemm aħna għandna rwol fl-indirizzar ta’ din l-isfida enormi. Din tibda' billi kull wieħed u waħda minna nagħżlu l-mogħdija ta' prevenzjoni u s-sejbin kmieni tal-kanser. Illum, nixtieq nappella liċ-ċittadini kollha, sabiex dawn jieħdu kontroll fuq ħajjithom billi jadottaw stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, u billi jsirulhom skrinings li potenzjalment jistgħu jsalvawlhom ħajjithom meta dawn jilħqu l-età kritika.