Saħħa mentali

EU-Compass għal Azzjoni dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali

L-EU-Compass għal Azzjoni dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali hu mekkaniżmu bbażat fuq il-web użat biex jiġbor, jiskambja u janalizza informazzjoni dwar politika u attivitajiet ta’ partijiet ikkonċernati fis-saħħa mentali. Bejn l-2015-2018 il-Compass se jikkomunika informazzjoni dwar il-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali. Se jimmonitorja l-politiki u l-attivitajiet tas-saħħa u l-benessri mentali tal-pajjiżi tal-UE u tal-partijiet ikkonċernati nongovernattivi permezz ta’:

  • l-identifikazzjoni u d-diseminazzjoni ta’ prattiki tajbin Ewropej fis-saħħa mentali
  • il-ġbir tad-dejta dwar l-attivitajiet tal-partijiet ikkonċernati u dawk nazzjonali fis-saħħa mentali permezz ta’ tliet stħarriġiet annwali
  • l-organizzazzjoni ta’ tliet rapporti annwali u avvenimenti ta’ forum
  • l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma dwar is-saħħa mentali f’kull pajjiż tal-UE kif ukoll fl-Iżlanda u n-Norveġja

Barra minn hekk, l-EU-Compass se jikkollabora mal-Grupp tal-UE ta’ Esperti Governattivi dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali u l-partijiet ikkonċernati nongovernattivi fit-tħejjija ta’ erba’ dokumenti xjentifiċi. 

 

Tista’ ssib ir-riżultati tal-EU Compass bħal prattiki tajbin identifikati, rapporti annwali u dokumenti ta’ kunsens hawnhekk:

Fokus tal-EU-Compass

L-EU-Compass jiffoka fuq 7 oqsma ta’ prijorità:

  • il-prevenzjoni tad-dipressjoni u l-promozzjoni tar-reżiljenza (prijorità għall-2016)
  • aċċess aħjar għas-servizzi tas-saħħa mentali (prijorità għall-2016)
  • is-saħħa mentali fix-xogħol (prijorità għall-2017)
  • is-saħħa mentali fl-iskejjel (prijorità għall-2017)
  • il-prevenzjoni tas-suwiċidju (prijorità għall-2017)
  • l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa mentali bbażati fuq il-komunità (prijorità għall-2018)
  • l-iżvilupp ta’ approċċi ta’ governanza integrata (prijorità għall-2018)

Politika u prattika tajba - il-ġbir ta’ informazzjoni

L-EU-Compass jiġbor eżempji ta’ prattiki tajbin mill-pajjiżi tal-UE u l-partijiet ikkonċernati fuq bażi kontinwa. Dawn l-eżempji huma evalwati permezz ta’ kriterji ta’ kwalità miftiehma mal-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni.

Skont l-oqsma ta’ prijorità ta’ sena partikolari, l-EU-Compass jipproduċi rapport annwali tal-attività (taqsira - rapport sħiħ) li jiġbor fil-qosor u janalizza żviluppi ewlenin fil-promozzjoni tas-saħħa mentali mill-pajjiżi tal-UE u l-partijiet ikkonċernati. L-ewwel rapport tal-attività, ippubblikat fl-2016, iffoka fuq il-prevenzjoni tad-dipressjoni u l-aċċess għall-kura tas-saħħa mentali.

Involviment tal-pajjiżi tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Governattivi dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali, tissorvelja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-EU-Compass. Qed jitħejjew diversi attivitajiet dwar il-promozzjoni tas-saħħa mentali nazzjonali u reġjonali fil-pajjiżi tal-UE.

Minn rapporti xjentifiċi għal dokumenti ta’ kunsens

L-erba’ rapporti xjentifiċi magħmulin mill-EU-Compass jittrattaw temi speċifiċi identifikati mill-Grupp ta’ Esperti Governattivi dwar is-Saħħa Mentali. Kull dokument jesplora l-kwistjonijiet marbuta ma’ kull tema, is-sitwazzjoni kurrenti fl-Ewropa, taqsira tal-attivitajiet rilevanti fil-livell tal-UE u fil-pajjiżi tal-UE, il-prattiki tajbin identifikati, u l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni.

Ir-rapporti xjentifiċi jsiru mill-esperti fil-qasam tagħhom, u ladarba jiġu rieżaminati u approvati mill-Grupp ta’ esperti nazzjonali u partijiet ikkonċernati nongovernattivi, dawn isiru dokumenti ta’ kunsens.

Wara d-diskussjonijiet mal-esperti nazzjonali, iż-żewġ temi li ffukaw fuqhom fl-2016 kienu l-prevenzjoni tad-dipressjoni u t-tisħiħ tar-reżiljenza u l-aċċess għall-kura tas-saħħa mentali fl-Ewropa.

Fl-2017 se jiffukaw fuq “is-saħħa mentali fix-xogħol” u mbagħad fl-2018 fuq “is-servizz tas-saħħa mentali bbażati fuq il-komunità”.

Il-partijiet ikkonċernati - is-saħħa u l-benessri mentali

Minbarra l-gvernijiet, in-negozji, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma attivi wkoll fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi pożittivi tas-saħħa mentali.

Biex issir taf aktar, ara l-lista ta’ partijiet ikkonċernati fis-saħħa u l-benessri mentali u ċċekkja l-Pjattaforma tal-Politika dwar is-Saħħa tal-UE.

Il-Forum tal-UE dwar is-Saħħa Mentali

Il-Compass jorganizza tliet forums dwar is-saħħa mentali bħala avvenimenti ta’ tmexxija. L-għan tagħhom hu li jixxerdu r-riżultati mill-istħarriġiet annwali u li tiġi faċilitata diskussjoni ta’ livell għoli dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali. Parti ewlenija ta’ dan jinvolvi l-ikkomunikar tal-każ, u b’eżempji, għall-sjieda pubblika u azzjoni fuq is-saħħa u l-benessri mentali permezz ta’ azzjoni tal-politika u tal-partijiet ikkonċernati nongovernattivi.

Sib attivitajiet għall-2016, l-2017, l-2018 dwar il-Forum tal-Compass dwar is-Saħħa Mentali tal-UE.