Is-saħħa u l-fondi strutturali

Kif tuża l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għas-saħħa?

Saħħa tajba hija vitali biex ikunu żgurati l-benessri u l-impjegabbiltà tal-popolazzjoni tal-UE, li huma essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u biex jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni soċjali.

L-UE tappoġġa l-investimenti fis-saħħa pubblika u fil-kura tas-saħħa permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) għall-2014-2020.

Skeda informattiva: Investimenti fis-saħħa mill-FSIE 2014-2020

Finanzjament fis-saħħa tal-FSIE 2014-2020

Id-dokument "L-immappjar dwar l-użu tal-FSIE fil-qasam tas-saħħa" juri l-azzjonijiet li kull Stat Membru ppjana li jiffinanzja matul il-perjodu 2014-2020.

Din l-identifikazzjoni fiha analiżi tal-finanzjament fis-saħħa kif ippreżentata fil-Programmi Operattivi – kemm fit-28 Stat Membru tal-UE kif ukoll fl-iskedi individwali tal-pajjiżi.

Hi disponibbli wkoll informazzjoni fil-qosor dwar l-investimenti fis-saħħa mill-fondi strutturali fil-perjodu ta' programmar 2007-2013, abbażi ta' valutazzjoni reġjonali u tal-pajjiżi li saret aktar kmieni.

Azzjonijiet tas-saħħa eliġibbli għal finanzjament tal-FSIE

Il-Kummissjoni ppubblikat Gwida għall-Istati Membri u l-benefiċjarji potenzjali fl-oqsma li l-FSIE 2014-2020 jistgħu jappoġġjaw fis-settur tas-saħħa:

  • Ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa, l-appoġġ għall-SMEs, is-saħħa elettronika
  • Il-promozzjoni tas-saħħa, l-anzjanità attiva u f’saħħitha, is-saħħa fuq il-post tax-xogħol
  • L-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-indirizzar tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa, is-saħħa mentali
  • It-tranżizzjoni minn kura bbażata fl-istituzzjonijiet għal kura bbażata fil-komunità, inklużi investimenti f'infrastruttura u tagħmir
  • Il-kapaċitajiet tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u r-riforma għal kura effettiva u sostenibbli
  • Il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa u t-taħriġ tul il-ħajja
  • Il-kura tas-saħħa bejn il-fruntieri u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni

Min jimmaniġġja l-FSIE?

L-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea (DĠ REGIO - Politika Reġjonali u Urbana u DĠ EMPL - Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni) jimmaniġġjaw flimkien il-fondi strutturali.

Id-DĠ SANTE tal-Kummissjoni (Saħħa u Sikurezza tal-Ikel) jaħdem mill-qrib mad-DĠ REGIO u mad-DĠ EMPL dwar l-użu tal-FSIE għall-investimenti fis-saħħa.

Il-Kummissjoni Ewropea tikkoordina l-modalitajiet tal-finanzjament u l-prijoritajiet tematiċi mal-Istati Membri, li mbagħad huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-investimenti fuq livell nazzjonali.

Kif napplika?

L-Istati Membri, permezz ta’ Awtoritajiet Maniġerjali, huma responsabbli għall-allokazzjoni u l-implimentazzjoni tal-FSIE fuq livell nazzjonali.

Il-benefiċjarji tal-FSIE jinkludu korpi pubbliċi, organizzazzjonijiet fis-settur privat (speċjalment negozji żgħar), universitajiet, NGOs u assoċjazzjonijiet.

Il-benefiċjarji potenzjali għandhom:

  • Jikkonsultaw is-sejħiet għall-proposti ppubblikati mill-Awtorità(jiet) Maniġerjali tal-pajjiż ta' interess.
  • Jibagħtu applikazzjoni direttament lill-Awtorità Maniġerjali kkonċernata.