Is-saħħa u l-fondi strutturali

Kooperazzjoni mal-Istati Membri

Id-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari (SANTE) tal-Kummissjoni jaħdem mal-Istati Membri biex iżidu l-kapaċitajiet tagħhom fl-immaniġġjar tal-fondi fis-settur tas-saħħa.

L-Istati Membri għandhom kompetenza sħiħa fl-għoti tal-kura tas-saħħa u huma jiddeċiedu, jiddefinixxu u jimplimentaw l-investimenti fis-settur tas-saħħa. Għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej  (FSIE), l-Istati Membri jikkoordinaw l-ambitu u l-modalitajiet ta' finanzjament mal-Kummissjoni Ewropea. Imbagħad l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-investimenti fuq livell nazzjonali.

Sib eżempji ta' proġetti li jużaw il-fondi strutturali għas-saħħa skont l-Istat Membru u r-reġjun (agħżel it-tema ‘saħħa’).

Djalogu mal-Istati Membri

Il-Kummissjoni tappoġġa d-djalogu mal-Istati Membri dwar kif l-aħjar jinvestu fis-saħħa.

Fi Proċess ta’ Riflessjoni dwar is-Sistemi tas-Saħħa (2012-2013), grupp ta’ ħidma ta’ Stati Membri skambjaw l-esperjenzi tagħhom u ddefinixxew "fatturi ta’ suċċess fl-użu effettiv tal-fondi strutturali għas-saħħa" komuni.

Il-grupp ipproduċa Sett ta' għodda maħsub għall-awtoritajiet tas-saħħa li jimmaniġġjaw jew jikkonsultaw dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-fondi.

Is-Sett ta' għodda jippreżenta prinċipji ta’ politika u rakkomandazzjonijiet konkreti għal ippjanar, disinn, maniġment u evalwazzjoni effettivi tal-finanzjament fil-qasam tas-saħħa.

Appoġġ tekniku

L-azzjoni “Użu effettiv tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE)”, taħt il-Programm tas-Saħħa, imxiet fuq id-djalogu msemmi hawn fuq.

L-azzjoni (2014-2015) identifikat il-finanzjament tal-FSIE 2014-2020 fil-qasam tas-saħħa kif ippjanat mill-Istati Membri u pprovdiet gwida elaborata lill-awtoritajiet tas-saħħa għal investiment ta’ suċċess:

  • Id-dokument L-immeppjar dwar l-użu tal-FSIE fil-qasam tas-saħħa fih analiżi tal-finanzjament fis-saħħa fit-28 Stat Membru tal-UE u fl-iskedi individwali tal-pajjiżi.
  • Gwida tagħti parir dwar approċċ effiċjenti għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-investiment fis-saħħa.
  • Sett ta' Għodda Tekniċi u Maniġerjali jkopri l-istrumenti u l-mekkaniżmi tal-FSIE 2014-2020, l-evalwazzjoni tal-investment, is-sejħiet għall-proposti, l-indikaturi, u l-kunċetti u l-mudelli ġodda fil-qasam tas-saħħa.

Ġew organizzati 12-il grupp ta' ħidma nazzjonali u żewġ gruppi ta' ħidma makroreġjonali, li ffaċilitaw id-diskussjoni bejn l-Istati Membri dwar aspetti ta’ interess komuni dwar l-FSIE u s-saħħa.

L-azzjoni ġiet implimentata minn Praga EY u mmexxija mill-Kummissjoni, taħt kuntratt immaniġġjat mll-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (CHAFEA).